Lesti jappoġġjaw tnaqqis fis-sentenza ta' Yorgen Fenech jekk jikxef l-evidenza dwar korruzzjoni

In-Network tas-Soċjeta Ċivili saħaq li Yorgen Fenech għandu jingħata ċ-ċans biex jagħti x-xhieda tiegħu u jikxef dak li jaf dwar l-assassinju ta' Daphne u każijiet ta' korruzzjoni speċjalment minn politiċi

In-Network tas-Soċjetà Ċivili qed jisħaq li Yorgen Fenech għandu jingħata ċ-ċans biex jagħti x-xhieda tiegħu biex jikxef jekk kienx hemm aktar persuni wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u anke dwar każijiet oħra ta’ korruzzjoni li l-kumpanija tiegħu 17 Black setgħet kienet ivoluta fihom.

Fi stqarrija, is-CSN qed jisħaq li anke jekk ma jaqbilx li dan għandu jingħata l-maħfra presidenzja, minħabba l-pożizzjoni tiegħu u  l-allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu, fl-istess ħin lest jappoġġja tnaqqis fis-sentenza bil-kundizzjoni li jipprovdi evidenza fuq każijiet ta’ korruzzjoni u kriminalità, speċjalment fejn jidħlu l-politiċi.

“Ninnutaw illi kien Joseph Muscat li ħa d-deċiżjoni biex ma tiġix ikkunsidrata maħfra presidenzjali għal Fenech, l-istess Muscat li kellu jirriżenja wara sħabu ġew implikati fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Il-kunflitt ta’ interess li kellu Muscat f’dik id-deċiżjoni uffiċjali għandu jfisser li din mhix kwistjoni magħluqa, u jidher biċ-ċar li Muscat u l-klikka tiegħu għamlu minn kollox biex jgħattu egħmilhom billi neħħew il-possibilità li jitkellem Fenech taħt ġurament fuq dak kollu li jaf,” saħaq is-CSN.

L-istqarrija ttemm tgħid li jekk ix-xhieda tiegħu tista’ tikxef il-korruzjoni serja li bħalissa qiegħda mistura u se tibqa’ midfuna taħt deċiżjoni ta’ Muscat, allura se tintilef opportunità biex toħroġ il-verità kollha f’dan il-każ ikkumplikat immens.

Matthew Caruana Galizia jirreaġixxi....

Intant, immedjata kienet it-tweġiba ta' Matthew Caruana Galizia, li saħaq li la maħfra u lanqas tnaqqis fis-sentenza ma għandu jkun ikkonsidrat  "għal qattiel" bħal Yorgen Fenech. 

"L-għan tagħna huwa li nilħqu l-ġustizzja," insista Caruana Galizia. "Anke jekk nibagħtu politiċi l-ħabs, ma għandnix noffru skont lil qattiel biex naslu sa hawn. Le."

X'jaf Yorgen?

Ilbieraħ, il-gazzetta oħt MaltaToday żvelat kif Yorgen Fenech, meta kien qed ikun interrogat, qal lill-Pulizija li l-kumpanija MacBridge kienet twaqqfet apposta biex minnha wkoll jgħaddu flejjes minn proġetti ffinanzjati mill-Gvern.

Fenech saħaq li kien lest jikxef dettalji dwar din il-kumpanija misterjuża li flimkien mal-kumpanija tiegħu 17 Black kienet deskritta bħala 'target client' tal-kumpaniji Tillgate u Hearnville, jiġifieri l-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi.Skont is-sorsi, Fenech qal lill-Pulizija li jaf għaliex din twaqqfet u min hu s-sid tagħha.

More in Politika