Il-bdoti se jżommu lill-Air Malta u lill-Gvern responsabbli wara t-tkeċċija ta' 69 bdot

Dalgħodu l-ALPA ppreżentat Protest Ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili

Il-Unjin tal-Bdoti, l-ALPA, fetħet Protest Ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili hekk kif għadha għaddejja l-battalja bejnha u l-Air Malta dwar it-tkeċċija ta’ 69 bdot u anke d-demotion mogħtija lil 31 Kaptan.

Fil-Protest, l-ALPA qed iżomm lil-linja nazzjonali tal-ajru u anke lill-Gvern responsabbli għal dawk li ddeskrivithom bħala illegalitajiet.

Fi stqarrija, l-ALPA saħqet li infurmat uffiċjalment lill-Gvern biex jonora l-obbligazzjonijiet kuntrattwali li dwarhom kien intlaħaq qbil mal-Ministri għat-Turiżmu Konrad Mizzi u anke Edward Zammit Lewis.

L-ALPA saħqet li tinsab iddiżapuntata li l-Gvern għażel li ma jipparteċipax fid-diskussjonijiet qabel twaqqfu mill-impjieg il-bdoti u dan minkejja diversi talbiet li saru min-naħa tagħha.

“Hija ħasra li grupp ta’ individwi fil-quċċata tat-tmexxija tal-Kumpanija, li ntagħżlu mill-amministrazzjoni preżenti, għażlu li jirromblaw minn fuq id-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol,” saħqet l-istqarrija.

Insistiet li l-Gvern imissu jaf li l-ALPA trid tagħmel l-almu kollu tagħha biex tgħin fit-tkabbir tas-settur tal-avjazzjoni f’Malta u għalhekk, fi kliemha, tinsab iddispjaċuta li dawn “l-irregolaritajiet” kellhom iwasslu għal azzjoni diretta kontra l-Gvern.

More in Politika