Illum se jkun diskuss ir-rapport ta' George Hyzler dwar l-inbid li Fenech irregala lil Muscat

Il-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika għandu jiddeċiedi jippubblikax dan ir-rapport jew le

Il-festin li għalih kien mistieden Yorgen Fenech
Il-festin li għalih kien mistieden Yorgen Fenech

Illum se jkun qed jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika li se jkun qed jiddiskuti r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards, George Hyzler li investiga r-rigal ta’ żewġ fliexken inbid Petrus li Yorgen Fenech kien ta lil Joseph Muscat waqt riċeviment fil-Girgenti.

Kien nhar l-Erbgħa filgħaxija meta l-Professur Arnold Cassola, li talab din l-investigazzjoni, kien infurmat li r-rapport jinsab lest u li l-Kummissarju bagħtu quddiem il-Kumitat Parlamentari. Issa huwa f’idejn dan il-Kumitat Parlamentari, magħmul minn rappreżentanti tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, biex jiddeċiedi jekk jippubblikahx.

F’kummenti li bagħat lill-midja, Cassola saħaq li hu għad ma għandux idea x’fih dan ir-rapport u fi kliemu, il-fatt li dan għadda quddiem il-Kumitat Parlamemtari, li tlaqqa’ malajr, jindika li Hyzler jagħmel rakkomandazzjonijiet importanti..

Cassola insista li dwar dan il-każ għandha tittieħed azzjoni serja. “Prim Ministru ssoċjalizza, iċċelebra, kien qed jikkomunika b’SMS u aċċetta rigali li jiswew ħafna flus mingħand persuna li kien jaf li huwa s-suspettat ewlieni wara l-akbar assassinju f’pajjiżna,” kiteb Cassola. “Din mhux ċajta.”

Għalhekk, kompla jisħaq il-kandidat indipendenti, illum ħames persuni għandhom ir-responsabbilità li jiddeċiedu jekk inadfux darba għal għal dejjem “is-sistema politika korrotta.” Fi kliemu, dawn se jieħdu deċiżjoni importanti li għandha tiddeċiedi l-futur morali tal-pajjiż.

Fuq dan il-Kumitat, f'isem il-Gvern ipoġġu Edward Zammit Lewis u Byron Camilleri u f'isem l-Oppożizzjoni jpoġġu Karol Aquilina u Carmelo Mifsud Bonnici.

More in Politika