L-Avukat Ġenerali jiċħad li kien wissa għall-kawtela fuq il-Panama 'għax ġej l-inkwiet għall-pajjiż'

L-Imħallef Joseph Said Pullicino jistaqsi jekk il-Pulizija m'għamlu xejn fuq il-Panama minħabba il-pariri tal-Avukat Ġenerali biex joqgħodu attenti - l-AĠ jiċħad li ta dan il-parir u jgħid li hija kalunja

L-Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino illum, waqt l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, indika illi l-Avukat Ġenerali Peter Grech kien avża lill-pulizija biex ikunu kawti fuq l-investigazzjoni tagħhom fuq il-Panama Papers għaliex kien se jinħoloq ħafna inkwiet għall-pajjiiż. 

Said Pullicino staqsa lill-Ispettur Ian Abdilla - Kap tal-Unit tar-Reati Ekonomiċi fil-Korp tal-Pulizija  -  "U l-pariri tal-Avukat Ġenerali biex toqgħodu attenti fir-rigward tal-Panama papers, għax kien qed jinħema l-inkwiet għall-pajjiż? Għalhekk m'għamilt xejn?"

Abdilla qal li ma jistax jiftakar tali pariri. 

Fi stqarrija iżda l-Avukat Ġenerali sostna li din hija gidba u kalunja. 

Din il-mistoqsija tiġi fil-kuntest ta' mistoqsijiet oħrajn dwar il-Panama Papers, bil-bord ta' din l-inkjesta jistaqsu lil Abdilla kif jista' jkun il-pulizija ma bagħtitix għal Keith Schembri u Konrad Mizzi fid-dawl tal-Panama Papers.

Schembri u Mizzi kienu fetħu kumpaniji fil-Panama, Tillgate u Hearnville, ġurisdizzjoni magħrufa għas-segretezza tagħha.  F'email tan-Nexia BT kien irriżulta li f'dawn il-kumpaniji kellhom jidħlu $2 miljuni fl-ewwel sena biss minn attivtajiet ta' sajd, turiżmu u skart minn pajjiżi bħal Bangladesh u l-Indja.  Sussegwentement kien żvelat li 17 Black - ta' Yorgen Fenech - kienet target client tal-kumpaniji fil-Panama u fiha kienu allegatament daħlu flus mill-Ażerbajġan u mill-aġent lokali tat-tanker tal-gas, f'Delimara.   

More in Politika