'Kun ċert li ma jitlaqx minn Malta' - Muscat jikkonferma x-xhieda ta' Keith Schembri

Keith Schembri qal li kien Joseph Muscat li ċempillu u talbu jiżgura li Yorgen Fenech ma jitlaqx minn Malta

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li talab lil Keith Schembri biex jiżgura li Yorgen Fenech ma jitlaqx minn Malta u dan ġurnata qabel ma ġie arrestat huwa u nqabad jipprova jħalli Malta.

F'kummenti mat-Times of Malta, wara x-xhieda ta' Keith Schembri li żvela din l-informazzjoni, Muscat ammetta li ċempel lil Schembri u qallu: "kun ċert li ma jitlaqx minn Malta."

Schembri qal lill-Qorti li għamel madwar 20 minuta jipprova jikkonvinċi lil Fenech biex ma jitlaqx minn Malta u ma jkomplix jitfa' l-attenzjoni fuqu. Fenech wieġbu li kien sejjer Sqallija għal xi xogħlijiet fuq il-jott tiegħu.

Fit-tweġiba tiegħu Muscat qal li ma kienx jaf li Schembri ċempel lil Fenech. Insista li kien joħloq problema kieku kien hu li ċempel lil Fenech qabel l-arrest.

Muscat qal li kien irċieva informazzjoni, li kkonferma ma' diversi sorsi u awtoritajiet, li Fenech kien se jipprova jaħrab mill-pajjiż.

Insista li meta sar jaf b'dan, ħa l-miżuri kollha li jemmen li kienu neċessarji biex dan ma jseħħx. Fi kliemu dan kollu huwa ddokumentat ma' diversi awtoritajiet inkluż il-Forzi Armati.

 

More in Politika