Tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali fuq l-allegati flus li Yorgen Fenech għadda lil Adrian Delia

Inkjesta Maġisterjali mmexxija miill-Maġistrat Doreen Clarke fuq allegazzjonijiet ta' flus mingħand Yorgen Fenech lil Delia u dwar kif dawn il-flus allegatament ma waslux kollha għand il-partit

Il-kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia
Il-kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia

Dan is-sit jinsab infurmat li nfetħet Inkjesta Maġisterjali li qegħda tinvestiga l-allegazzjonijiet ta' flus - €120,000  - li Yorgen Fenech għadda lil Adrian Delia bil-patt u l-kundizzjoni li dawn jew parti minn dawn jintużaw biex David Casa ma jkunx elett fl-elezzjonijiet tal-2019.  Iktar minn hekk qed ikun investigat kif dawn il-flus, allegatament, ma waslux jew ma waslux fit-totalità tagħhom għand il-Partit Nazzjonalista.. 

Kien David Thake, illum Deputat Nazzjonalista, l-ewwel li indika illi għaddew flus lil Adrian Delia mingħand l-istess sid ta' 17 Black u n-negozjant li qed ikun akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia f'mistoqsija li kien għamel lil Delia fuq Xarabank.  Wara kien Melvin Theuma li xehed illi għaddew eluf lill-istess Delia biex Casa ma jiġix elett.  Ilbieraħ l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri  wkoll ikkonferma din ix-xhieda.  Fil-Qorti qal hekk: 

"Il-Kap tal-Oppożizzjoni darba mar u talbu (lil Yorgen Fenech) €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta' Casa. Kien jibgħat lil Pierre Portelli biex jiġbor €20,000 kull xahar. Dan seħħ fuq bażi regolari. Ġieli stennew għal siegħa biex jieħdu l-flus," kompla Schembri.

Fi kliemu, Portelli kien deher fir-reception ta' Portomaso qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019.

Minkejja dan, f'affidavit seprarat, kemm Pierre Portelli kif ukoll Adrian Delia qed jiċħdu li aċċettaw dawn il-flus jew li fil-fatt saret din il-proposta.

L-Inkjesta Maġisterjali qed titmexxa mill-Maġistrat Doreen Clarke. . 

More in Politika