Il-GWU U l-UĦM jappellaw għal qafas leġislattiv biex ikunu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema li jaħdmu mid-dar

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-unjins dwar id-drittijiet tal-ħaddiema li jagħmlu teleworking. Għandu jispiċċa malli jgħaddi kollox? Għandna nżommu t-teleworking? Imma l-ħaddiem se joqgħod iħallas hu għall-internet u l-mowbajl? Mid-dar il-ħaddiem għandu drittijiet? U l-binarju bejn ix-xogħol u l-ħajja?

Kemm il-General Workers Union u anke l-UĦM Voice of the Workers tkellmu mal-gazzetta ILLUM u qablu li jekk il-pajjiż se jaħtaf l-opportunità tat-teleworking li kważi kważi kienet imposta fuq il-postijiet tax-xogħol mill-pandemija, għandu jkun hemm qafas leġislattiv li jagħti linji gwida ċari biex ikunu mħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema u wara kollox anke ta’ min iħaddem.

L-ILLUM tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u anke mas-Segretarju Ġenerali tal-UĦM dwar din ir-realtà ġdida fid-dinja tax-xogħol. Se nżommuha jew la jgħaddi kollox għandna nirritornaw kuljum fl-uffiċċju? U jekk se nżommuha, il-liġi kif inhi bħalissa tipproteġi biżżejjed lill-ħaddiema li qed jintalbu jaħdmu mid-dar? Kif se jkun assigurat li jinżamm il-binarju bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata tal-ħaddiem?

Josef Bugeja - GWU
Josef Bugeja - GWU

‘Il-work-station hija estensjoni tal-post tax-xogħol ... Min iħaddem għandu joffri kollox’

“Jiena naħseb li din hija t-triq ‘il quddiem u mhux nibżgħu minnha. Hija opportunità li naħtfuha. Nilleġislaw biex nagħtuha wiċċ uman li minnha jgawdi kulħadd.” Hekk saħaq mal-gazzetta illum is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja meta mistoqsi dwar dak li qed tipproponi l-unjin fejn jidħol it-teleworking.

Bugeja saħaq li diġà ressqu proposti mal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela biex il-pajjiż ikollu qafas leġislattiv li jħares lejn il-perspettivi kollha tat-teleworking u forom oħra ta’ xogħol ‘il bogħod mill-uffiċċju.

Fost dawn saħaq li għall-ħaddiema li qed jaħdmu mid-dar, apparti l-kontijiet tad-dawl għall-kompjuter u l-internet, l-infrastruttura tad-data, is-siġġu, l-iskrivanija u dak kollu li għandu x’jaqsam max-xogħol għandu jkun ipprovdut min-naħa ta’ min iħaddem. “Il-work-station għandu jipprovdiha l-impjegatur kif jipprovdiha fuq il-post tax-xogħol. Meta jsir it-teleworking, il-work-station irid isir estensjoni tal-post tax-xogħol,” saħaq Bugeja.

Imma jekk, per eżempju, impjegatur se jagħti l-internet għad-dar, il-ħaddiem mhux se jużah anke wara x-xogħol? “Tih linja tal-internet li biha jista’ jidħol biss għal affarijiet tax-xogħol. Imma trid tipprovdi għax l-uffiċċju lill-ħaddiem qed tipprovdilu,” wieġeb Bugeja lill-ILLUM.

Apparti minn hekk, l-GWU qed taħdem flimkien mal-Ewroparlamentari Josianne Cutajar u anke Alex Agius Saliba dwar żewġ aspetti oħra importanti, jiġifieri dik tad-drittijiet u l-kundizzjonijet tax-xogħol u anke d-dritt li wieħed jinqata’ mix-xogħol u jkun hemm differenza ċara bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-persuna.

‘Id-drittijiet kollha fuq il-post tax-xogħol iridu jkunu trasferiti anke fid-djar’

Saħaq li l-ewwel u qabel kollox, fil-każ tat-teleworking, id-drittijiet kollha li jkun hemm fuq il-post tax-xogħol, għandhom jiġu trasferiti anke għax-xogħol mid-dar u propju għalhekk li għandu jkun hemm qafas leġislattiv b’saħħtu li jipproteġi lil kulħadd.

“Qed nirreferi għall-kundizzjonijiet kollha tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà etċ,” saħaq Bugeja. “Barra minn hekk kellna mudell fejn ħaddiem jingħata pakkett, ibda mil-paga, għall-ħlas tal-mowbajl, l-allokazzjoni għall-fjuwil etċ. Forsi issa l-allokazzjoni tal-fjuwil se tonqos għax mhux qed ikollok daqshekk ġiri imma din kienet parti minn pakkett sħiħ, mhux waħedha u għalhekk għandek tikkompensa minn bnadi oħra.”

‘Id-dritt li wieħed jinqata’ mix-xogħol jibqa’ importanti’

Hemm kwistjonijiet li Bugeja tħassbu ħafna, jiġifieri dik tal-iżolament. Fi kliemu tinkwetah għax għandek ħaddiema li nqatgħu għal kollox mill-uffiċċju u dan ukoll jista’ jkollu anke impatt fuq is-saħħa mentali tagħhom. Saħaq li meta wieħed telaq mid-dar għax-xogħol inqata’ minn dik id-dinja u l-istess meta telaq mill-uffiċċju, ħalla x-xogħol warajh.

“Kif se naħdmu? Ngħidlek taħdem 40 siegħa mid-dar? Jew tidħol xi ġranet jew sigħat l-uffiċċju?” staqsa Bugeja. 

Kien hawn li tkellimna dwar il-kwistjoni tar-Right to Disconnect. Naqas, kompla jgħid Bugeja, dak il-binarju bejn ix-xogħol u d-dar. “Din torbot mhux biss mal-leġislazzjoni tat-teleworking iżda trid torbot ukoll mad-dritt li wieħed jaqta’ mix-xogħol.” 

Hawn ta eżempju. Immaġina impjegatur li għax ħaddiem qiegħed id-dar u jaf li għandu aċċess, jibgħatlu xi ħaġa urġenti biex issir malajar fit-8pm jew fl-10pm. “Anke jekk inti komdu li tirċievi biċċa xogħol fl-10pm, dik kif se tkun ikkopensat għaliha? Għalhekk dan id-dritt li wieħed jaqta’ jrid jorbot magħha bilfors,” insista Bugeja.

‘Nistgħu nesploraw il-possibbilità li naħdmu erbat ijiem bl-10 sigħat?’

Semma wkoll proposta oħra li tista’ tkun marbuta mat-teleworking. “Nistgħu nesploraw il-possibbilità li flok naħdmu ħamest ijiem bi tmien sigħat naħdmu erbat ijiem b’għaxar sigħat? Hekk il-weekend twal. Anke internament bħala turiżmu jkun jaqbillek. Flok tmur il-Ġimgħa f’lukanda, tmur mill-Ħamis sal-Ħadd,” saħaq Bugeja. 

Kien hawn li saħaq li t-teleworking irid ikun ta’ benefiċċju kemm għall-impjegat, kemm għal min iħaddem u kemm għas-soċjetà, għax ifisser inqas traffiku, inqas tniġġis, inqas spazju ddedikat għall-postijiet tax-xogħol. 

“Imma rridu naraw li d-drittijiet kollha li hemm ikunu mħarsa,” insista Bugeja. “Jiena għaliha din hija t-triq ‘il quddiem. Bħala GWU qed naħdmu fuqha. Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel ... la tgħallimna minn din l-esperjenza ejja naħdmu fuq qafas leġislattiv biex nipproteġu lil kulħadd.”

Josef Vella - UĦM
Josef Vella - UĦM

‘Il-konsum tad-dawl u l-ilma fid-djar kiber ... il-ħaddiema tat-teleworking iridu jingħataw l-għajnuna’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers, Josef Vella li saħaq li t-teleworking, jew forom oħra ta’ xogħol ‘il bogħod mill-uffiċċju, anke jekk mhux se ndaħħluhom aħna, se jkunu imposti fuqna, għax fi kliemu, il-futur ħadd mhu se jżommu u bħalma ħadd ma seta’ jżomm l-introduzzjoni tal-kompjuter u l-internet, l-istess ħadd mhu se jżomm id-dħul ta’ dawn il-forom ta’ xogħol.

“Li qed ngħidu aħna huwa li jekk se mmorru għat-teleworking dan għandu jsir bi pjan u jkun hemm policy nazzjonali,” insista Vella waqt li tenna li t-teleworking jolqot ħaddiema minn kull settur, kemm dak pubbliku u privat. “Għalhekk irid ikun hemm linji gwida u għal kulħadd.”

Mistoqsi dwar l-għajnuna lill-ħaddiema li qed jaħdmu mid-dar, Vella saħaq li waħda mill-kritiċi li għamel għall-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern kienet li waqt li tal-ħwienet ingħataw l-għajnuna biex iħallsu l-kont tad-dawl, anke jekk uħud minnhom kienu magħluqa jew inkella jaħdmu b’mod limitat, il-ħaddiema li kienu qed jaħdmu mid-dar ma ngħatawx.

“Il-konsum tal-elettriku fid-dar kiber u d-dawl u l-ilma kien qed jintuża kważi 24 siegħa kuljum. Konnha qed nippretendu li jkun hemm dik l-għajnuna mill-Gvern. Għalhekk għandu jkun hemm policy nazzjonali,” insista Vella.

Kompla jisħaq li apparti minn hekk, kien hemm ħaddiema li ntalbu jaħdmu mid-dar u spiċċaw bil-pakkett tad-dħul tagħhom imnaqqas. Bħala eżempju semma l-allowance tal-karozza, li ħafna tnaqqsitilhom għax ma kinux qed jużawha. Fi kliemu, din kienet waħda mill-aktar affarijiet li dejqitu.

‘Irid ikun hemm policy u pakkett ta’ għajnuna għal kulħadd’

“Jekk se toqgħod tfittex allura naqqas tal-karozza għax vera mhux qed tintuża iżda dak l-allowance agħtih għad-dawl u l-ilma. Biddlilha isimha l-allowance,” insista Vella. “Sfortunatament din għamilha l-Gvern li huwa l-akbar employer. L-iskuża kienet għax hawn ħafna ħaddiema qed ibagħtu. Mela jekk hawn ħames familji qed ibatu, induru fuq il-ħamsa l-oħra u nġibuhom ibatu bħalhom?”

Għalhekk, Vella tenna dwar l-importanza li jkun hemm policy u pakkett ta’ għajnuna għal kulħadd. Fi kliemu, jekk mhux se jkun hemm diskussjoni fuq il-livell tal-MCESD, se jkun hemm sitwazzjoni fejn kulħadd jinnegozja għalih innifsu. 

“Jiena kontra din. Mhux qed nitkellmu fuq xi ħaġa ta’ proċedura fuq livell ta’ kumpanija. Din hija d-dinja tax-xogħol minn għada,” insista Vella. “Id-diskussjoni ma tistax tkun fuq livell ta’ kumpanija.”

‘Ma naqbilx li naħdmu kuljum mid-dar ... l-uffiċċju trid tidħol’

Hemm ukoll il-kwistjoni tal-ġranet. Fi kliemu, ma jaqbilx li għandhom ikunu ħamest ijiem ta’ teleworking iżda għandu jkun hemm ġranet fejn il-ħaddiem xorta jmur fuq il-post tax-xogħol għax dak il-kuntatt huwa importanti wkoll. “Anke din trid tkun parti mid-diskussjoni,” insista Vella.

Mill-banda l-oħra, Vella insista li għandu jkun hemm pakkett ta’ għajnuna biex aktar kumpaniji jmorru għal din it-triq iżda tenna li anke l-ħaddiem għandu jingħata l-għajnuna, bħala kundizzjoni tax-xogħol.

“Parti mid-diskussjoni trid tkun id-dritt tal-persuna li taqta’ mix-xogħol,” insista Vella biex ma tinħoloqx sitwazzjoni fejn għax persuna għandha aċċess għax-xogħol mid-dar, tinsa l-ħajja tal-familja u tkun disponibbli għax-xogħol il-ħin kollu.

Ministru Carmelo Abela
Ministru Carmelo Abela

‘Id-diskussjoni dwar id-drittijiet tal-ħaddiema jinsabu fi stadju avvanzat’

Dwar il-futur tat-teleworking u d-drittijiet tal-ħaddiema, il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela li huwa wkoll responsabbli mir-relazzjonijiet industrijali.

Il-gazzetta staqsietu jekk hux qed ikunu ddiskussi d-drittijiet tal-ħaddiema li ħadmu jew li qed jaħdmu mid-dar u anke jekk għandux ikun hemm qafas leġislattiv li jirregola t-teleworking u tipi differenti ta’ xogħol ‘il bogħod mill-Uffiċċju.

Abela kkonferma li għaddejin id-diskussjonijet mal-imsieħba soċjali, liema diskussjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat.

“Dawn huma mistoqsijiet li s-sħab soċjali kollha, flimkien mal-Ministeru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, qed jiddiskutu għax ġew identifikati bħala punti li l-liġi li tirregola x-xogħol trid tindirizza, jew tindirizza aħjar,” saħaq il-Ministru.

Spjega li ġabar flimkien il-punti li tqajmu u ippreżenta r-rapport intern f’laqgħa tal-MCESD. 

“Dan jidher li intlaqa’ b’mod tajjeb tant li diġà hemm qbil fuq liem punti hemm bżonn li jkunu diskusssi aktar fid-dettall,” saħaq il-Ministru.

Insista li issa li l-pajjiż qed jieħu aktar passi lejn in-normalità, il-Gvern se jkun qed jagħti kontribut biex dan ma jkunx ritorn għan-normalità li konna nafu biha qabel u daqshekkk.

“In-normalità ġdida, li ser tintlaħaq wkoll permezz tal-għajnuna qawwijja bil-pakkett finanzjarju tal-Gvern, iġġib wkoll magħha aspettattivi ġodda. Ser naraw li l-esperjenza ta’ żmien il-pandemija nitgħallmu minnha dejjem f’bilanċ bejn drittijiet u flessibilità ġdida għall-ħaddiema imma wkoll l-preservazzjoni tal-kompetittività ta’ pajjiżna,” saħaq il-Ministru

More in Politika