Intervista | 'Ħafna drabi razzist huwa bniedem li jħossu minsi u mweġġa' mis-sistema'

Malti, Muslman, nofsu Sirjan, attivist favur id-drittijiet tal-bniedem u l-anti-razzist.  Omar Rababah jitkellem mal-ILLUM ...

 

Omar Rababah
Omar Rababah

Twieled Malta u allura Malti, imma missieru Sirjan.  Musulman u tarah jikteb u jattendi ħafna okkażjonijiet relatati mad-drittijiet umani.  Fil-protesta tal-ġimgħa l-oħra kien fuq in-naħa ta' dawk li qed jitolbu ġustizzja għal Lassane Cisse u li jfakkaru illi 'Black Lives Matter'. Omar Rababah jaċċetta li jiġi intervistat minn din il-gazzetta.

Imma nibdew billi nistaqsuh dwar l-istorja tiegħu.  "Jiena twelidt Malta, imma missieri Sirjan.  Hu kien ġie Malta bħala immigrant regolari hekk kif sab opportunità ta' xogħol f'pajjiżna.

L-ILLUM tistaqsih jekk qattx mar is-Sirja u x'emozzjonijiet iqanqallu dan il-pajjiż.

"Iva mort erba' darbiet, bl-aħħar darba tkun f'Diċembru.  Minkejja li jiena Malti, mrobbi f'kultura Maltija  - minn 28 sena ħajja mort biss erba' ġimgħat is-Sirja - xorta pruvajt inżomm ħajja l-kultura Sirjana f'ħajti," jgħid Rababah. 

Mistoqsi jagħti xi eżempji tad-diversità kulturali jsemmi l-mużika u anke l-ikel.  Naqbduha għal ftit fuq l-ikel u jispjega kif is-Sirja ma jittikilx fenek jew żiemel jew inkella bebbux.  "Il-kċina Sirjana hija aktar mibnija fuq laħam tal-ħaruf, ħxejjex u ħafna żejt taż-żebbuġ."

'Jiena dejjem fuq in-naħa tad-drittijiet umani'

Induru fuq ir-reliġjon.  Għax missieru Musulman jew b'għażla?

Omar jgħid illi fil-fatt hija taħlita ta' tnejn.  "Dejjem smajt it-tagħlim Kattoliku, imma għażilt li nipprattika l-Iżlam."

Imma jħossu komdu bħala Musulman, li qed jgħix f'Malta, pajjiż illi jipprattika politika liberali tal-punent u politika ta' ugwaljanza?  Iħossu komdu bi żwieġ bejn persuni tal-istess sess, per eżempju?

Mela r-reliġjon huwa suġġett ta' ħafna interpretazzjonijiet. Jiena naf ħafna Musulmani li jinterpretaw l-Iżlam kif iridu u per eżempju jġiegħlu lil marthom taċċetta ċerta kundizzjonijiet li mkien ma huma fl-Iżlam

Huwa jfakkar illi kull reliġjon hija differenti u fiha hemm tipi differenti ta' nies.  Ikompli jgħid illi anke fl-Iżlam hemm minn huwa liberali, iżda hemm ukoll min huwa konservattiv u hemm min hu fundamentalista u fanatiku. 

"Jiena dejjem fuq in-naħa tad-drittijiet umani.  Fejn ir-reliġjon tirrispetta dawn id-drittijiet tajjeb, fejn ma tirrispettax ma naqbilx."
Hu jfakkar illi l-kwistjoni tad-drittijiet umani mhix marbuta ma' pajjiż jew reliġjon, imma xi ħaġa li maż-żmien tiġi mifhuma b'edukazzjoni. 

'In-nuqqas ta' awtorità fl-Iżlam hija problematika'

Filwaqt li jfakkar illi ħafna pajjiżi Għarab kienu maħkumin sa ftit żmien ilu biss u filwaqt li jfakkar illi ħafna pajjiżi huma maħnuqin minn dittaturi u korruzzjoni jammetti li hemm żewġ problemi fl-Iżlam.

 "Mela r-reliġjon huwa suġġett ta' ħafna interpretazzjonijiet.  Jiena naf ħafna Musulmani li jinterpretaw l-Iżlam kif iridu u per eżempju jġiegħlu lil marthom taċċetta ċerta kundizzjonijiet li mkien ma huma fl-Iżlam," jgħid Rababh mal-ILLUM.  Ifakkar li l-għerq prinċipali ta' din il-problema hija li fl-Iżlam m'hemmx awtorità ċentrali - bħalma r-reliġjon Kattolika għandha lill-Papa - u allura m'hemmx punt wieħed ta' referenza meta jidħol tagħlim u l-interpetazzjonijiet tiegħu. 

"Din hija problematika.  Is-sena l-oħra kien hemm diżgwid bejn is-Sawdi Għarabja u l-Libja dwar meta eżatt kien l-Eid (il-festa ta' wara r-Ramadan), minħabba li l-kalkolu jsir skont il-qamar.  Jiġifieri anke fuq xi ħaġa daqstant importanti ma kienx hemm qbil."

Dwar persuni tal-istess sess naqblu illi l-omosesswalità hija preżenti f'pajjiżi Musulmani b'varjazzjonijiet - fejn hija aktar aperta u fejn le -  "anke l-Għarabja Sawdita hemm postijiet ta' persuni LGBTIQ, imma underground.  L-Iran wara r-rivoluzzjoni kienu taw permess biex min hu trans jagħmel l-operazzjoni." 

'Sirjan mhux problema, imma Musulman ...'

Il-gazzetta tistaqsih kif huwa trattat hawn Malta u jekk ikollux problemi.  Tistaqsih ukoll jekk in-nies jurux interess fin-nazzjonalità ta' missieru u r-reliġjon li jħaddan. 

"Ifhem mhux l-ewwel darba xi ħadd jgħidli li aħjar immur niġġieeld il-gwerra ta' pajjiżi - kważi kuljum.   Imma dwar is-Sirja jkun hemm iva interess.  Dwar l-Iżlam hawn il-biża'  u meta tgħid lil xi ħadd li int Muslman ġeneralment jinġibdu naqra lura n-nies."  Huwa jkompli jispjega iżda illi ħafna minn dawk li joqħodu jitgħajjru fuq facebook, meta tkellimhom wiċċ imb wiċċ issib xi forma ta' kompromess magħhom.
"Jiena qatt ma kelli problemi.  Imma għax ħafna ma jkunux jafu r-reliġjon tiegħi u l-karnaġġjon tiegħi huwa bħal Malti," jgħid mal-ILLUM. 
'Il-maġġoranza razzisti ... imma mhux it-tort tagħhom'

Imma jemmen li l-Maltin huma razzisti? 

Wara li jaħsibha ftit u bħal donnu għall-ewwel jidher li se jdur magħha, Rababah jgħid illi jemmen li l-maġġoranza huma razzisti. Imma jikkwalifika dan mill-ewwel billi jsostni li t-tort mhuwiex tal-popolin. 

"Malta dejjem kien hawn immigrazzjoni, fid-90ijiet kienu jiġu minn diversi pajjiżi, bħall-Iraq.  Imma kienet ikkontrollata.  Imbagħad mill-2003 bdew ġejjin id-dgħajjes ... u jiena nemmen li ma sarx biżżejjed biex tkun indirizzata l-biża', " jgħid Rababah. 

Huwa jgħid illi jekk kien hemm triq li fiha kienu joqgħodu 20 persuna u f'daqqa waħda jgħixu 100 - huma min huma - "hija ovvja li se jkollok min jibża', mhux ovvja li jinketaw in-nies?"

 Hu jisħaq illi apparti dan, huwa fin-natura tal-bniedem li jkun hemm l-ansjetà u l-biża' minn dak li huwa differenti. Isostni iżda li llum bl-informazzjoni kollha li teżisti din m'għadhiex skużabbli. 

Min kisser u farrak għamel ħażin. Imma ejja ma ninsewx ukoll li s-sistema kapitalista amerikana xebgħet tisraq liż-żgħir. Ma ninsewx snin twal ta' reati u abbużi

'Fil-każ ta' Lassana l-mottiv kien razzjali'

Immorru għall-protesta f'pajjiżna u nħarsu lejn żewġ punti li qajmu diskussjoni.  Nibdew bil-famuż plakard ta' raġel li qal illi se jimmissja l-organu sesswali tal-mara. 

Filwaqt li jiċċara li dan ma kienx photoshopped jgħid illi f'din il-protesta kien hemm mijiet ta' plakards b'messaġġi b'saħħithom. "Iva kien messaġġ stupidu, imma li noqgħodu naqbdu ma' din biex xi ħadd ikun qabad ma' xi ħaġa ..."

Huwa jfakkar li huma kienu hemm jipprotestaw favur ġustizzja għal Lassana Cisse u l-gazzetta twaqqfu hemm u tfakkru li kulħadd jaqbel li kien qtil barbaru u li qed issir ġustizzja. 

"Insomma kulħadd jaqbel u ħarġu bi pledge," iwieġeb b'sens ta' ċiniżmu.  "Lieku kien raġel abjad il-vittma kienu jitilgħu mas-suf ta' għajnejn il-pulizija!"

Huwa qal illi ma jagħmilx sens li l-qtil ta' Lassane Cisse Souleyman f'Ħal Far is-sena l-oħra jitqabbel ma' atti kriminali, bħal vjolenza domestika, minn agressur iswed, "mhux għax huwa inqas serju imma għax il-mottiv mhuwiex razzjali.  Fil-każ ta' Lassana l-mottiv kien razzjali, qatluh għax iswed." 

Infakkru li min ma jaqbilx mal-argument tiegħu ħafna drabi jsemmi studji u litteratura li tanalizza lis-soċjetà - bħal The Bell Curve (Hernstein u Murray)  - illi turi kif il-maġġoranza tal-kriminalità ġejja min fost persentaġġ minoritarju tal-popolazzjoni, jiġifieri l-Afro-Amerikani, li l-maġġoranza tagħhom jgħixu fil-faqar.  Allura l-argument tagħhom huwa, għalfejn għandna nagħmlu l-istess, skontom, żball tal-multikulturaliżmu bħalhom? Biex tgħaxxaq dawn użaw il-protesti vjolenti li saru l-aħħar jiem - wara l-qtil ta' Floyd - biex jissolidifikaw l-argument tagħhom.

 Rababah ifakkar li mhux kull min mar jipprotesta seraq jew kisser u li ħafna ipprotestaw b'mod paċifiku jekk mhux ukoll - f'xi każi għenu lill-pulizija.

 "Min kisser u farrak għamel ħażin.  Imma ejja ma ninsewx ukoll li s-sistema kapitalista amerikana xebgħet tisraq liż-żgħir.  Ma ninsewx snin twal ta' reati u abbużi fl-iskjavitù.  Dawn mhux imbilli ingħataw id-drittijiet - tpoġġew u tħallew f'ghettoes u nafu li jekk tkun ġej minn klassi soċjali baxxa, għandek iktar ċans li tispiċċa fil-kriminalità."

"Ma ninsewx," jgħid Rababah, "għandi kif qrajt kif 60 sena ilu meta raġel iswed mar japplika għal impjieg f'uffiċċju bagħtuh l-isptar tal-moħħ.  Għaddewh ta' miġnun."

Fuq dan il-punt itemm jgħid illi minkejja kollox ħafna persuni afro-amerikani ma ngħatawx għajnuna biex jitilgħu s-sellum soċjali. 
'Hawnhekk is-sistema PN/PL baqgħet ġo fina'

Inħarsu lejn il-populiżmu u anke n-nazziżmu madwar id-dinja. Jibża minn dan sentiment f'Malta?  U jibża' li xi darba dan is-sentiment jiriżulta f'voti għal lemin estrem?

Huwa qal li jekk wieħed iħares biss lejn il-protesta tal-Għaqda patrijotti Maltin din il-ġimgħa isib li minn madwar 8,000 fuq Facebook jiddiksutu u jiddibattu u juru appoġġ għall-protesta, fir-realta mbagħad għall-protesta attendew mal-40 persuna

 "Dan apparti li aħna s-sistema ta' PN u PL qegħda fina u n-nies dejjem lilhom jivvutaw.  U jekk ikun hemm min huwa mweġġa' ħafna drabi jinqeda u jerġa jivvota PN jew PL.  Vot li jmur għand partit ieħor huwa meqjus minn ħafna bħala moħli u dan jgħodd għall-AD wkoll."
 Huwa qal ukoll li ħafna drabi partiti estremi, filwaqt li jkollhom appoġġ fuq l-immigrazzjoni, jitilfu dak l-appoġġ fuq kwistjonijiet soċjali oħrajn, bħall-abort. 

Fil-fatt  - lilhinn mill-intervista  - jekk wieħed iħares lejn il-kampanja ta' Norman Lowell fl-2019 malajr jinduna illi minkejja li kellu xi ftit tar-riħ fil-poppa, kwistjonijiet dwar l-abort u l-attitudni lejn persuni b'diżabilità waslu biex probabbilment tilef eluf ta' voti u ħafna mis-simpatija li kien hemm min kellu lejh. 

'Kieku l-Ġermanja ġabruh mill-ewwel'

U dwar dak ir-raġel li għamel is-salut tan-nażi, x'jaħseb Omar? 

Filwaqt li jirrimarka illi kien (sfortunatament) quddiemu dak il-ħin jgħid li dan ir-raġel suppost ġie miġbur mill-pulizija.  "F'pajjiż bħal Ġermanja kien jinġabar mill-ewwel.  Hawnhekk il-PM qal li mhux sew u daqshekk.  Ieħor jagħmel il-mossi tax-xadini u l-istess."
Rababah jgħid illi dan kollu sar quddiem għajnejn il-Pulizija għalkemm qal illi t-tort mhux tagħhom, hekk kif - skontu - huwa ċar li m'għandhomx taħriġ fuq din il-materja. 

Nistaqsih dwar x'jaħseb imma dwar l-isfida tal-immigrazzjoni li fil-fatt hija l-kuntest ta' dan kollu u jibda billi jfakkar li l-immigrazzjnoni mhijiex "sfida" għal kulħadd. 

"Min għandu ħanut żgħir u jbiegħ ħafna groceries lill-immigranti jarahom bħala sfida?  Minn kien iħaddimhom għax ma sabx Maltin jew għax dak ix-xogħol ma jridux jagħmluh Maltin, jaraha bħala sfida? Il-ħwienet fiż-żoni tal-Ħamrun u l-Marsa, jarawha bħala sfida? ..."
Il-gazzetta twaqfu hemm u tfakkru li ħafna residenti Marsin jarawha bħala sfida u jgħidu li qed isir ħafna sokor fit-triq.
"Imma minn qed jikrilhom il-postijiet lil dawn? Mhux Maltin?" 

"Jiena mhux qed niġġustfika min jisker fit-triq u jagħmel pipi mal-bieb ta' xi ħadd - ħallieha li Maltin li jagħmluhom dawn l-affarijiet hemm ukoll.  Imma għaliex qed ikunu fis-sakra? U jekk hemm xi ħadd fis-sakra, mhux tgħinu milli toqgħod ittella' r-rtratti tiegħu fuq facebook!"
Jgħid ukoll illi apparti kollox l-immigranti jġibu ruħhom ukoll mil-mod kif jaraw lilna.  "Jekk l-immigrant jara li hawn Malta n-nies jarmu barra, mhux ovvja li se jarmu barra? Jekk jaraw nies jaqsmu fuq id-dawl aħdar u allura meta suppost karozzi għaddejjin, mhux ovvja li huma hekk ukoll se jagħmlu?  U jekk kulħadd jipparkja kif ġie, ġie ... mhux hekk ukoll se jagħmel l-immigrant?"

'Muġugħin'

U finalment, x'inhi t-tama tiegħu għall-futur?  Jaraha tikber aktar din il-pjaga tar-razziżmu?

"Ara dan anke min huwa kontra r-razziżmu, bħali, ukoll jirrikonoxxi li hawn problema, meta għandek dawk l-eluf kollha lesti biex jitilqu u Malta l-ewwel pajjiż." Rababah jgħid iżda illi jekk inċedu dritt uman wieħed, nistgħu nċeduhom kollha.

 Huwa jispjega kif hawn razzisti differenti - min jobgħod għax nieqes mill-edukazzjoni u min minħabba esperjenza personali. 
"Jiena nemmen li s-soluzzjoni hija l-edukazzjoni - jiena edukatur.  Edukazzjoni anke dwar il-pajjiżi li ġejjin minnhom dawn in-nies, nies bħar-Re Leopoldo tal-Kongo li qatel tant nies, l-iskjavitù ..."

Huwa qal li ħafna drabi "razzist huwa bniedem li jħossu muġugħ u minsi mis-sistema."

Itemm jirrakkonta kif jaf lil xi ħadd illi vera huwa fil-bżonn u ilu snin jitlob għal housing imbagħad jara jew jemmen li s-sistema hija aktar akkoljenti għall-immigrant u allura jsir jobgħodu. 
"Ejja nitkellmu m' dawn in-nies, ħafna minnhom huma muġugħin." 

More in Politika