Appoġġ b'saħħtu għal Daniel J. Micallef minn bosta delegati biex jieħu post Cardona

Jidher li d-diskussjoni fil-Partit  Laburista qed ixxaqqleb aktar lejn bidla fl-istatut biex jitreġġa' lura dak li kien sar fl-2016 u allura d-Deputat Mexxej tal-Affarijiet tal-Partit ma jkunx Deputat jew Ministru

Daniel Josè Micallef, President kurrenti tal-Partit Laburista jidher li għandu appoġġ qawwi fost ħafna delegati, b'diversi attivisti Laburisti jtellgħu ritratti tiegħu u jappoġġjawh għall-kandidatura possibbli u prospettiva għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-PL għall-Affarijiet tal-Partit.  Sorsi li tkellmu mal-illum.com.mt qalu illi Micallef għandu l-appoġġ għax huwa meqjus politiku ta' integrità u nadif, żagħżugħ u wera' kemm għandu komunikattiva tajba fl-aħħar attività li saret illi fiha Joseph Muscat tkellem bħala Mexxej Laburista.  Micallef kien ukoll responsabbli mill-proċess elettorali ta' mexxej ġdid Laburista aktar kmieni din is-sena, proċess deskritt bħala effiċjenti u trasparenti, minn bosta minn dawk illi kienu preżenti - inkluż il-midja.

Intant ara x'kien qal Micallef f'intervista mal-gazzetta ILLUM.

Kif żvela aktar kmieni dalgħodu s-sit illum.com.mt hemm diskussjoni fil-Partit Laburista dwar il-possibilità li titreġġa' lura bidla fl-istatut li saret u li permezz tagħha Konrad Mizzi kien inħatar f'din il-kariga fl-2016.  Hu ma damx f'din il-kariga minħabba r-rivelazzjonijiet tal-Panama papers.  Cardona wkoll kien f'din il-kariga meta kien kemm Deputat, kif ukoll Ministru tal-Ekonomija.  Jidher illi hemm moviment b'saħħtu fil-partit biex din titbiddel u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit ikun iffukat fuq materji tal-partit - bħal ma kienu id-Deputati Mexxejja Toni Abela, Joe Brincat u anke George Abela.  F'dan ix-xenarju - qalulna s-sorsi li tkellmu ma' dan is-sit - jaf lanqas ikun hemm kontestazzjoni ma' Micallef. 

Micallef mhux l-unika wieħed li għandu interess f'din il-kariga iżda u dan is-sit jinsab infurmat li jekk l-istatut ma'  jinbidilx hemm Ministri u anke Segretarji Parlamentari li jkunu interessati f'din il-kariga.

More in Politika