L-MUMN tgħid li l-PM Abela għandu jwaqqaf 'l-impunità' ta' Steward Healthcare

Steward Healthcare qed tirrifjuta li tirriloka lura f'Għawdex 160 infermier Għawdxi li qed jaħdmu Malta, tgħid l-MUMN

Il-Konferenza organizzata mill-MUMN dalgħodu
Il-Konferenza organizzata mill-MUMN dalgħodu

Il-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) appellat lill-Prim Ministru biex iwaqqaf dak li sejħet "impunità" ta' Steward Healthcare, hekk kif din qed timpjega infermiera barranin "għad-detriment tal-ħaddiema Għawdxin f'Malta u l-familji tagħhom."

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq it-taraġ ta' Kastilja l-President tal-MUMN Paul Pace qal li l-kumpanija qed tirrifjuta li tieħu lill-ħaddiema Għawdxin lura Għawdex u minflok qed iġġib infermiera barranin, xi ħaġa li Pace jiddeskkrivi bħala "inaċċettabbli". 

Bħalissa hemm 160 infermiera Għawdxin jistennew biex imorru jaħdmu Għawdex. 

"Il-Gvern għandu responsabilità xi jġorr ... din mhux għax huma barranin.  Imma m'hemm l-ebda raġuni għaliex m'għandhomx ikunu trasferiti fl-Isptar Karin Grech fejn diġa' hemm ħafna infermiera barranin biex fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex jmorru dawn il-ħaddiema Għawdxin."

Pace akkuża lil Steward Healthcare b'nuqqas kbir ta' rispett. 

Steward Healthcare twieġeb ...

Intant Steward Healthcare ċaħdu li huma qed jirrifjutaw li jġibu dawn il-ħaddiema lejn Għawdex fi stqarrija qalu illi sal-bieraħ stess kien hemm diskussjonijiet biex dawn l-infermiera jmorru jaħdmu Għawdex. 

Il-kumpanija qalet illi bħala parti mill-proposti tagħha lill-Ministeru tas-Saħħa, ilbieraħ qalet li lesta tikkunsidra twaqqaf immedjatament il-proċeduri legali kollha b’rabta mal-mandat ta’ inibizzjoni, dment li jintlaħaq ftehim mal-Ministeru tas-Saħħa u l-MUMN.  Fl-ittra qalet ukoll li f’nofs din it-tilwima hemm il-kwistjoni li l-isptar ikollu l-kapaċità sħiħa li jilqa’ għall-imxija tal-COVID-19 kif mitlub jagħmel mill-gvern u għas-saħħa tal-pazjenti u l-istaff. 

Fl-istess ittra Steward stqarret ukoll li kienet ferm sorpriża bil-pożizzjoni tal-MUMN, li biha "mhux biss ixxekkel dawk l-għanijiet iżda wkoll ma toffri l-ebda proposta għal soluzzjoni prattika jew kostruttiva."

"Fl-aħjar interess tal-pazjenti tagħha, Steward qed tirriserva d-dritt li tkompli tieħu azzjoni legali kontra l-MUMN b’rabta mad-direttivi ... Jidher ċar li dawn id-direttivi saru b’tentattiv sabiex il-Union tissorvola l-ordni tal-Qorti, u qed jipperikolaw serjament numru ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa f’Għawdex," temmet tgħid il-kumpanija.

 

More in Politika