L-Air Malta iżżid it-titjiriet li se tibda mill-1 ta' Lulju: Jiżdiedu Ruma, Lyon u Marsilja

Wara 10 snin l-Air Malta se tibda ttir lejn Madrid ukoll

L-Air Malta se ttir lejn 22 destinazzjoni
L-Air Malta se ttir lejn 22 destinazzjoni

Wara li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ilu aktar minn tliet xhur magħluq għal titjiriet kummerċjali, l-Air Malta se tibda l-iskeda tas-sajf tagħha nhar l-Erbgħa, l-1 ta’ Lulju, u ser tgħaqqad lil Malta ma’ 22 destinazzjoni fi ħdan l-Ewropa.

It-titjiriet tal-Air Malta lejn Ruma, Lyon u Marseille issa se jiżdiedu mat-titjiriet li tħabbru diġà lejn Katanja, Munich, Frankfurt, Berlin, Dusseldorf, Vjenna, Zurich, Ġinevra, u Praga mill-1 ta’ Lulju. 

Mill-15 ta’ Lulju, il-Linja tal-Ajru Maltija se tibda wkoll ittir b’mod kummerċjali lejn Amsterdam, Brussell, Milan, Londra (Heathrow), Lisbona, Madrid, Palermo, Pariġi (Charles De Gaulle u Orly). 

F'Awwissu, l-Air Malta sejra terġa’ tibda ttir lejn/minn Manchester. 

Belt ‘ġdida’ fil-lista tad-destinazzjonijiet hija Madrid. Wara pawża ta’ aktar minn 10 snin, l-Air Malta sejra terġa’ tibda s-servizzi skedati lejn il-belt kapitali Spanjola, Madrid, nhar is-Sibt 18 ta’ Lulju 2020. It-titjiriet imħabbra lejn il-Lussemburgu issa se jiġu ttrasferiti lejn Brussell ħlief għat-titjiriet ippjanati lejn il-belt fl-4 u fil-11 ta’ Lulju li se jiġu operati kif skedat. 

Il-prezzijiet tat-titjiriet (inklużi t-taxxi u l-imposti) jibdew minn Eur 39 f’direzzjoni waħda u huma disponibbli online fuq www.airmalta.com u mingħand l-aġenti tal-ivvjaġġar lokali u barranin kollha. 

Il-klijenti li t-titjiriet tagħhom sejrin jiġu kkanċellati mil-Linja tal-Ajru u li jixtiequ jivvjaġġaw fuq it-titjira disponibbli tal-Air Malta li jmiss jistgħu jagħmlu kuntatt mal-kumpanija fuq +356 25991230. Jekk ikunu jixtiequ jivvjaġġaw f’data aktar tard, jistgħu jagħżlu waħda minn żewġ għażliet disponibbli fuq is-sit web tal-Linja tal-Ajru fuq www.airmalta.com/information/keep-your-trip-for-the-future. 

More in Politika