It-tluq ta' Cardona jiftaħ id-diskussjoni dwar bdil fl-istatut biex min jeħodlu postu ma jkunx Deputat

Hekk kif il-Partit Laburista qed jistenna lil Cardona jitfa' r-riżenja tiegħu diġa' bdiet diskussjoni dwar jekk għandhiex titreġġa lura bidla fl-istatut li rat lil Konrad Mizzi u Chris Cardona jsiru Deputati Mexxejja

Ir-riżenja ta' Chris Cardona minn Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit fetħet id-diskussjoni mill-ġdid dwar jekk għandux jerġa jitbiddel l-istatut tal-Partit Laburista biex din il-kariga tkun okkupata minn persuna li ma tkunx fil-Parlament, kif kienu Deputati Mexxejja għall-Affarijiet tal-Partit oħrajn bħall-Avukat Joe Brincat u George Abela  - taħt it-tmexxija ta Alfred Sant u Toni Abela, taħt it-tmexxija ta' Joseph Muscat. 

L-istatut kien inbidel sabiex l-eks Ministru Konrad Mizzi seta' jsir Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, kariga li żamm għal ftit żmien biss hekk kif imbagħad bdew joħorġu dettalji dwar il-Panama papers u l-fatt u li hu, flimkien ma' Keith Schembri, kienu fetħu kumpaniji f'din il-ġurisdizzjoni. 

Jekk l-istatut jinbidel dan jagħti imbuttatura lill-President tal-Partit Laburista Daniel Josè Micallef - li ismu diġa' qed jinxtered fuq il-mezzi soċjali minn numru ta' delegati Laburisti bħala l-kandidat preferut għal din il-kariga.  Għalkemm hu għadu ma qal xejn u ma weriex interess  b'mod uffiċjali sa issa, jidher li l-ħidma tiegħu waqt l-elezzjoni għal Mexxej Laburista ġdid u d-diskorsi tiegħu fl-aħħar attività ta' Joseph Muscat bħala Mexxej Laburista tawh palata kbira 'l quddiem.

 Pero jekk l-istatut jibqa' kif inhu dan is-sit jinsab infurmat li hemm Deputati u anke membri tal-Kabinett li jkunu interessati jitfgħu isimhom, għal din il-kariga.

 

More in Politika