Miżuri Covid | 'Filwaqt għad hawn fejn il-pandemija qed tikber ... aħna qed nitkellmu dwar kif se nkattru l-kummerċ'

Il-vouchers ta' €100 lil kulħadd se jkun trasferibbli u allura tista' tagħtih lil xi qraba jew ħbieb

Id-Deputat PM Chris Fearne
Id-Deputat PM Chris Fearne

Meta kien qed jindiirzza Konferenza tal-Aħbarijiet mal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fakkar illi filwaqt li hawn pajjiżi fejn il-pandemija għadha qed tikber u li kellhom jagħmlu lockdown totali, hawn Malta qed nitkellmu dwar kif se jitkattar il-kummerċ.  "Dan nistgħu nagħmluh għax żammejna l-pandemija taħt kontroll.  Għandna għalfejn inkunu kburin." 

Fearne qal illi filwaqt illi l-R Factor huwa baxx (0.6), huwa importanti li anke issa tinżamm id-distanza bejn mejda u oħra fl-istabbilimenti biex kemm is-sidien u anke l-klijenti jħossuhom siguri. Huwa qal illi l-Gvern żied is-sodod fl-ITU u ħoloq l-Early warning System, biex jekk ikun hemm problemi - speċjalment meta tiżdied l-influwenza - is-sistema tas-saħħa tilqa' għalihom.  Fearne ħaġġeġ lil aktar nies biex din is-sena jieħdu t-tilqima tal-influwenza filwaqt li qal illi l-Gvern qed jippjana li jagħti d-doppju ta' tilqim din ix-xitwa.

"Aħna qed ngħinu fil-kera, fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, QED nagħtu voucher biex jiġu fl-istabbiliment tiegħek ... dawn miżuri li se jagħtu spinta lill-ekonomija filwaqt li jaċċertaw illi aktar stabbilimenti jżommu mar-regolamenti biex b'hekk il-klijenti iħossuhom siguri."

Fearne fakkar illi r-reazzjoni mill-MHRA, l-MEA, il-Kamra tal-SMEs, il-kamra ta' Kummerċ kienet pożittiva ferm u qal illi dawn il-miżuri se jkomplu jagħtu injezzjoni ta' tama. 

Id-Deputat PM qal illi l-Gvern mhux se jinsa lill-frontliners u fakkar li l-Gvern qed jonfoq €100 miljun aktar fil-qasam tas-saħħa.  "U iva meta se niddiskutu l-kundizzjonijiet ta' dawn il-ħaddiema se niftakru x-xogħol kollu li sar minn dawn l-eroj."

Minn naħa tiegħu l-Ministru Scicluna qal illi ħafna minn dawk li spiċċaw bla xogħol qed jieħdu benefiċċju li huwa l-akbar, bi €800 - u fakkar illi ħana minn dawk li tilfu x-xogħol mhux neċessarjament qed jirreġistraw għal raġunijiet diversi, fosthom għax telqu mill-pajjiż. 

"Aħna rridu li kulħadd igawdi għat-tul ħalli nerggħu nġibu l-ekonomija fejn ħallejnieha," qal Scicluna.

Mistoqsi dwar il-vouchers ta' €100 l-Ministru qal illi dawn se jkunu trasferibbli u allura tista' tgħaddih lil xi qraba jew ħbieb.

 

More in Politika