Miżuri Covid | Il-Gvern se jagħtik €100 f'vouchers biex toħroġ tiekol, tixrob u tiddeverti

Dawn il-vouchers se jirċevuhom il-persuni kollha li għandhom 'il fuq minn 16-il sena

Fil-jiem li ġejjin, kull persuna li għandha 'l fuq minn 16-il sena se tkun qed tirċievi ħames vouchers ta' €20, jiġifieri total ta' €100 bħala inċentiv biex persuna toħroġ tixtri u tiddeverti mid-diversi negozji u stabbilimenti Maltin.

Din hija waħda mill-miżuri li ħabbar il-Gvern biex mhux biss jinċentiva lin-nies jikkonsmaw aktar iżda anke biex tgħin lin-negozji jibdew iqumu mill-ġdid fuq saqajhom.

Erba' minn dawn il-vouchers, jiġifieri total ta' €80, se jkunu jistgħu jintużaw fil-lukandi, fir-ristoranti, fil-barijiet u fi stabbilimenti oħra ta' divertiment.

Voucher ieħor, jiġifieri €20, se jkunu jistgħu jintużaw għal xiri minn ħwienet oħra, bħal dawk tal-ħwejjeġ, fost oħra, li għamlu ġimgħat sħaħ magħluqa minħabba l-COVID-19.

Dawn il-vouchers se tirċevihom kull persuna li għandha 16-il sena jew aktar. Jiġifieri jekk f'dar hemm erba' persuni li għandhom 'il fuq minn 16-il sena, dawn se jirċievu €100 vouchers kull wieħed.

Din hija waħda mill-miżuri li qed jitħabbru llejla minn pakkett ta' €900 miljun.

Aktar dettalji fuq is-sit illum.com.mt

More in Politika