'L-amministrazzjoni ta' Robert Abela hija l-ewwel waħda li lesta titlef is-setgħa tagħha għall-prinċipji tal-governanza'

Ir-riforma Kostituzzjonali  - jew il-proposti dwarha - tinsab għand il-Kummissjoni Venezja.  Minn hemmhekk jiskatta proċess ta' tibdiliet li wħud qed jarawhom kuraġġużi u oħrajn qed jarawhom superfiċjali.  Il-gazzetta ILLUM tintervista lill-Ministru Edward Zammit Lewis dwar din ir-riforma ...

Dawn l-aħħar jiem reġgħet qamet diskussjoni dwar ir-riforma kostituzzjonali hekk kif il-Gvern bagħat il-proposti tiegħu lill-Kummissjoni ta' Venezja filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ b'numri ta' proposti u tat is-sehem tagħha wkoll, anke permezz ta' kritika, l-għaqda Repubblika. 

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' mal-Ministru reponsabbli minn din ir-riforma - żvelata f'seba' punti fuq din il-gazzetta nhar il-Ħadd 5 ta' April li għadda - Edward Zammit Lewis  u tistaqsih fhiex waslu l-affarijiet kif ukoll għar-reazzjoni tiegħu għal diversi proposti li saru. 

Jiena l-Ministru illi qed nibda immexxi 'il quddiem riformi li ilhom biex isiru

L-ILLUM tibda billi tistaqsih, hekk kif ma' din il-gazzetta kien qal li lest jiltaqa' u jiddiskuti ma' kulħadd, jekk ħadimx ma' Repubblika u l-Partit Nazzjonalista, kif ukoll dwar ir-reazzjoni għall-kritika li saret minn Repubblika. 

"Jiena nieħu gost li niġi kkritkat għax jiena l-Ministru illi f'inqas minn erba' xhur qed nibda immexxi 'il quddiem riformi li ilhom biex isiru u ilhom jistennew għexieren ta' snin sħaħ," jibda jirrispondi Zammit Lewis. 

Hu jgħid li ħa konjizzjoni tal-pożizzjoni ta' kulħadd, iddiskuta ma' kulħadd imma eventwalment ried illi jiddeċiedi u jmexxi ir-riformi 'il quddiem. 

"Bnejt timeline li għaddejt lill-Kummissjoni Venezja, bgħattilha l-proposti tagħna u fil-fatt insistejt ukoll biex tiddiskuti l-proposti mal-PN u anke Repubblika."

Zammit Lewis iżda ċċara li filwaqt illikl-kritika ma ddejqux, dejqitu it-tikketta ta' "superfiċjali" li Repubblika tat lill-proposti. 

Jgħid illi hu skatta proċess li issa irid isir u jfakkar illi fl-2008 Gvern Nazzjonalista kien ħoloq il-Kumissjoni Parlamentari għall-Avvanz tad-Demokrazija.  Jistaqsi:  "X'sar minnha?  Ma saritx proposta waħda, xejn. Jiena rrid li dawn ir-riformi jsiru u determinat għax nemmen fihom."

'Il-President se jkollu poter li jaġġixi mingħajr parir tal-Kabinett ..'

Repubblika qalet illi ma tistax tifhem għalfejn il-ħatra tal-Ġudikanti mhux se taqa' direttament taħt il-Judicial Appointments Committee u qalet ukoll li l-fatt li se jkun il-President tar-Repubblika li jagħti l-aħħar kelma - meta dan jieħu l-pariri mill-Kabinett, turi li hemm ċerta superfiċjalità. 

Zammit Lewis jibda billi jikkritika r-rapport ta' Rebubblika li, skontu, ma ħareġ b'ebda proposti.  "Tini l-kontro proposti, mhux tikkritika biss.  Għax ir-rapport huwa ta' xi ħadd bravu ħafna li qed ifittex id-dettalji żgħar.."

Minn jiena jien, biex niddeċiedi dwar kif tinħatar figura ta' għaqda bħall-President? Għalhekk għandna niddeċiedu fil-Konvenzjoni

Il-gazzetta twaqqfu u tfakkru illi fil-fatt, għandhom punt, għaliex il-prassi hija li l-President jiċċaqlaq skont il-pariri tal-Prim Ministru, mhux b'awtonomija.

"Lanqas fuq il-President m'għandhomx raġun, le," qal il-Ministru għall-Ġustizzja li fakkar li jekk il-proposta tiġi milqugħa, għall-ewwel darba il-President tar-Repubblika se jkollu l-poter li jaġixxi mingħajr il-bżonn tal-pariri tal-Kabinett, kuntrarjament għall-prassi tal-lum. 

'Dwar il-ħatra tal-President tiddeċiedi l-Konvenzjoni'

U minn hemmhekk il-gazzetta tistqasi dwar l-irwol tal-President u kif dan se jkun iffurmat skont ir-riforma Kostituzzjonali.  Apparti minn hekk l-ILLUM tistaqsi lil Zammit Lewis jekk jaqbilx mal-proposta tal-PN biex il-Presdent jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament. 

"Jiena nitbissem," jibda Zammit Lewis.  "Rajt il-proposti tal-PN u hemm minnnhom li ma ressaqniex, pero' m'għandi problema xejn niddiskutihom wara li jispiċċa dan il-proċess."

Huwa qal li l-Gvern għandu interess sħiħ li jara illi l-Konvenzjoni Kostituzzjonali li jixtieq jibda l-Presdient tar-Repubblika issir u li fiha jkunu diskussi materji li jinkludu l-ħatra tal-President.

"Minn jiena jien, biex niddeċiedi dwar kif tinħatar figura ta' għaqda bħall-President?  Għalhekk għandna niddeċiedu fil-Konvenzjoni." 

Imma f'botta għall-PN jgħid illi filwaqt li huwa sew li jsiru proposti, jisħaq in-nies li qed jagħmluhom kienu Ministri tal-Ġustizzja u tal-Intern fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, "u m'għamlu xejn minn dan."

"Li ressaqt jiena mhux perfett imma hija triq tajba 'il quddiem." 

'Dan mhux proċess tal-avukati - imma proċess politiku' 

Il-PN qed jagħmel proposta wkoll biex iċ-Chairperson ta' entitajiet kostituzzjonali bħall-Awtorità tax-Xandir jiġu maħtura wara l-approvazzjoni ta' żewġ terzi tal-Parlament.  Lilhinn minn x'għamel jew m'għamilx Gvern Nazzjonalista, per prinċipju ma jaqbilx il-Ministru li karigi bħal dawn jixirqilhom appoġġ aktar wiesa?

Zammit Lewis jerġa jfakkar li anke hawn ma sar xejn minn Gvern Nazzjonalista qabel imbagħad ifakkar li sistema fejn il-poter huwa ċċentrat madwar il-Prim Ministru ma bdietx ilbieraħ f'Malta imma hija sistema Anglo Sassona li ilha magħna snin. 

"Issa aħna qed ngħidu li dawn il-karigi ma jibqgħux fid-diskrezzjoni tal-PM biss imma jkunu deċiżi mill-Kabinett.  Qalulna li l-Kabinett jagħmel dak li jgħidlu l-PM.  Jiena ma nafx x'kienu jagħmlu, pero jiena dak li għandi ngħid, ngħidu fil-Kabinett anke jekk il-PM jibqa' primus inter pares"

Huwa akkuża lil min kiteb ir-rapport ta' Repubblika illi ma jafx x'inhu jiġri fil-pajjiż u li ħares biss lejn l-ittra tal-liġi u mhux fuq kif qed titħaddem fil-prattika.  Ifakkar illi Il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, għandha żewġ membri li huma direttament maħturin mill-Oppożizzjoni anke jekk il-liġi tgħid li suppost l-Oppożizzjoni tikkonsulta lill-Gvern.

"L-istess il-Kummissjoni Elettorali.  Apparti ċ-Chairman maħtur mill-Gvern għandek tnejn appuntati mill-Oppożizzjoni u t-tnejn l-oħra mill-Gvern, għalkemm de facto din mhix miktuba fil-liġi."   

Hu qal li min se jikkritika għandu jifhem li dan mhux proċess tal-avukati - imma proċess politiku mibni fuq ir-realtà madwarna. 

'Ħatra storika'

Isemmi l-ħatra tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti u jispjega kif f'ħidma "storika" kien hemm qbil bejn iż-żewġ partiti dwar din il-ħatra. 

Il-gazzetta ILLUM tistaqsieh x'inhuma l-proposti tal-Gvern dwar dixxiplina u tneħħija tal-Ġudikatura, waħda mis-seba' riformi mħabbra mill-istess Gvern. 

Huwa jibda billi jfakkar illi d-dixxiplina taqa' taħt il-Kummissjoni għll-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li jgħid illi l-Gvern iżomm kemm jista' 'l bogħod biex din topera b'mod awtonomu. 

Dwar it-tneħħija tal-Ġudikatura huwa qal illi dak li se tipproponi l-Kummissjoni ta' Venezja hu se jkun qed jattwah. 

"L-amministrazzjoni ta' Robert Abela hija l-ewwel waħda li lesta titlef is-setgħa tagħha għall-prinċipji tal-governanza u saltna tad-dritt b'saħħitha," sostna Zammit Lewis. 

SLAPP:  Id-deċiżjoni għandha tkunn waħda fuq bażi Ewropea

Indawwru ftit l-attenzjoni fuq l-ISLAPP u tenattivi mill-Partit Nazzjonalista u anke Repubblika  - kif ukoll fid-dawl ta' diversi Djar tal-Midja li jaqblu - illi jkun hemm leġiżlazzjoni kontra din il-prattika.  Din il-prattika hija meta xi ħadd jiftaħlek libell f'ġurisdizzjoni 'il bogħod, biex dak il-libell prattikament tant ikun sewa' flus li jfalli lil dik id-Dar tal-Aħbarijiet. SLAPP simili kien sar mill-Bank Pilatus fuq Daphne Caruana Galizia illi fih dan kien qed jitlob kumpens ta' $40 miljun f'każ miftuħ fl-Istati Uniti.

Filwaqt li Zammit Lewis jgħid illi hu jaqbel mal-prinċipju - u allura li l-ġurnalisti għandhom ikunu protetti minn thedid, anke finanzjarju  - huwa fakkar illi kien dan il-Gvern li neħħa l-libell kriminali filwaqt li saħħaħ il-liġi li tkopri lill-istampa. "Taf kemm kienu ilhom jgħidu li se jneħħu l-libell kriminali?  Aħna neħħejnieh," jisħaq il-Ministru. 

Jien ltqajt ma' ħafna għaqdiet - inkluż ma' Repubblika. Id-diskussjoni kienet ċivili. Ma naqbilx iżda mal-attitudni

Huwa qal li l-ISLAPP hija marbuta ma' regoli u konvenzjonijiet Ewropej u li Malta waħedha ma tistax timponi fuq ġurisdizzjoni barranija. 

"Is-soluzzjoni hija waħda fuq bażi Ewropea għax dik il-liġi se topera f'qafas Ewropew.  Għalhekk ejja nidiskutu u nikkonvinċu, pero' s-soluzzjoni trid tkun fuq bażi Ewropea."

L-ILLUM titsqsieh dwar l-Ombudsman u dak li qed jipproponi dwar dan l-uffiċċju.  Huwa jgħid li l-Gvern qed jipproponi li dan jingħata status Kostituzzjonali u li r-rapporti u l-pariri tiegħu jiġu diskussi fil-Parlament biex ikunu ssottolinejati in-nuqqasijiet li qed isemmi hu. 

'L-attitudni ta' Repubblika hija ħażina'

Finalment il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Ministru dwar ir-rikonċiljazzjoni. F'kummenti lil din il-gazzetta dwar ir-riformi f'April huwa kien għamel aċċenn għar-rikonċiljazzjoni. Imma wasalna għaliha, speċjalment ma' Repubblika?

"Jien ltqajt ma' ħafna għaqdiet  - inkluż ma' Repubblika.  Id-diskussjoni kienet ċivili. Ma naqbilx iżda mal-attitudni, li tgħid ċerti affarijiet fuq pajjiżek iddejjaqni ħafna." Huwa qal li ma jistax jifhem għalfejn Repubblika bħal donnha qed tiddejjaq li l-Gvern qed jgħid li jrid jasal fi qbil mal-Oppożizzjoni. 

Zammit Lewis temm l-intervista jgħid li hu miftuħ għall-kritika għalkemm dejjem qed jistenna li jingħataw il-kontro proposti. 

Downloadable Files

More in Politika