Ikomplu jonqsu l-każi attivi; Wieħed mill-każi l-ġodda fl-aħħar jiem huwa impurtat

Wieħed mill-pazjenti l-ġodda li rriżulta pożittiv fil-jiem li għaddew kien għadu kemm wasal Malta abbord titjira ta' ripatrijazzjoni

Fl-aħħar 24 siegħa saru 1,030 test u minnhom żewġ persuni rriżultaw pożittiv għall-COVID-19.

Madanakollu, l-għadd tal-każi attivi kompla nieżel, biex issa jlaħħaq 51 każ hekk kif fl-aħħar 24 siegħa tmien pazjenti oħra ġew iddikjarati mfejqa.

Illum, kien imiss bulettin mediku mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fejn tat rendikont tal-każi ġodda u mfejqa min-nhar il-Ġimgħa 'l hawn.

Wieħed minn dawn il-pazjenti l-ġodda kien għadu kemm wasal Malta minn barra abbord titjira ta' ripatrijazzjoni. Martu u t-tifla tiegħu wkoll irriżultaw pożittiv.

Il-każi l-ġodda:

Il-Ġimgħa

  • Raġel mill-Pakistan li ġie Malta għax kien jgħix Malta qabel flimkien mal-familja tiegħu. Fit-28 ta' Mejju, l-għada li wasal Malta, ħariġlu l-virus. Huwa kien jinsab fi kwarantina. Huwa għadda mill-ajruport ta' Frankfurt. Għalhekk dan huwa każ impurtat.
  • Raġel Ingliż ta' 77 sena. Kien pazjent rikoverat f'Karin Grech.

Il-Ħadd

  • Maltija ta' 23 sena li kellha diversi sintomi. Ma kinitx qed taħdem u sar contact tracing mal-familja

It-​Tnejn

  • Indjana ta' 26 sena li ma kellha l-ebda sintomi. Din kienet fi kwarantina għax kienet tgħix fl-istess dar ma' carers oħra f'Karin Grech u li wħud minnhom irriżultaw pożittiv fil-jiem li għaddew.

L-Erbgħa

  • Iż-żewġ każi tal-lum huma relatati mal-każ tar-raġel mill-Pakistan li wasal Malta l-ġimgħa li għaddiet. Dawn huma l-familja tiegħu, il-mara u t-tifla, li kienu ġew jumejn qabel. Dawn kienu fi kwarantina. Dawn iż-żewġ każi mhux qed ikunu meqjusa importati hekk kif il-persuni x'aktarx li ħadu l-virus mir-raġel li rriżulta pożittiv il-Ġimgħa.

More in Politika