'Quddiem dak li ħareġ fil-Qorti l-PL għandu l-obbligu li jneħħi lil Chris Cardona' - AD

Iċ-Chairperson tal-AD jgħid illi wasal iż-żmien li l-Partit Laburista jiddiżassoċja lilu nnifsu minn Chris Cardona

"Ir-rivelazzjonijiet fil-Qorti iktar kmieni din il-ġimgħa dwar Chris Cardona, Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, li qed jissuġġerixxu l-possibli involviment tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huma mhux biss tal-biża’ imma fuq kollox skandalużi."

Hekk sostnieet fi stqarrija l-Alternattiva Demokratika (AD) , wara li lbieraħ anke Repubblika talbet dan u wissiet li jekk ikun hemm bżonn terġa tipprotesta kontra dawk li sejħet "qattelin u ħallellin."  Fil-Qorti, nhar it-Tnejn, Melvin Theuma xehed kif minn filmat Cardona jidher allegatament jagħti xi flus lil Fulu, allegtament parti mill-pagament għall-qtil ta' Caruana Galizia. Theuma xehed ukoll kif Yorgen Fenech kien qallu illi darba l-eks Ministru Cardona kien spiċċa b'overdose minħabba l-inkwiet li kellu fuq il-qtil ta' Caruana Galizia. 

Iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo qal li l-AD konxja li fix-xhur li għaddew il-Pulizija "diġa tefgħu ħarsithom fuq Chris Cardona, Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, u dan fil-kuntest ta’ diversi biċċiet ta’ informazzjoni li l-Pulizija kellha f’idejha dakinnhar.”

“Il-Pulizija bla dubju tinvestiga kull biċċa informazzjoni, kemm-il darba titħalla fil-libertà li taġixxi.”

“Imma wasal iż-żmien ukoll li l-Partit Laburista jiddiżassoċja ruħu minn dan kollu. Il-Partit Laburista għandu obbligu politiku f’dawn iċ-ċirkustanzi li jwarrab lil Chris Cardona minn Deputat Mexxej.”

More in Politika