'Għaddew tliet xhur u sa issa ħafna paroli fil-vojt' - Repubblika dwar Miriam Pace

L-għaqda qalet li jkun ferm aħjar jekk Abela jagħmel xi ħaġa "biex il-ħajja tan-nies tkun protetta minflok jiġri jaħfer il-multi ta’ min poġġa lill-ħaddieħor fil-periklu billi kiser il-liġi li għamel hu stess

Miriam Pace
Miriam Pace

"Għaddew tliet xhur minn dakinhar li Miriam Pace spiċċat maqtula f’darha; sal-lum għadu ma sar xejn biex ma jmutx ħaddieħor.   Kulma kellna kienu paroli vojta u kumitati li s’issa ma swew għalxejn."  Hekk sostniet l-għaqda Repubblika fi stqarrija dwar il-mara li tilfet ħajjitha taħt it-terrapien ta' darha li waqgħet waqt li kien għaddej xogħol ta' kostruzzjoni maġenbha. 

Numri ta' nies jinsabu quddiem il-Qorti bħalissa. L-erba' persuni; il-perit, il-kuntrattur, is-site technical officer u anke ħaddiem wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Repubblika fakkret illi meta Miriam Pace inqatlet, il-Prim Ministru qal li kien irrabjat u mweġġa’.  "Qalilna li se jagħmel kumitat biex isiru l-bidliet li hemm bżonn.  Wiegħedna li dan il-kumitat se jaħdem b’urġenza.  Sfortunatament, kollox għadu kif kien. Ma sar xejn."

L-għaqda qalet li jkun ferm aħjar jekk Abela jagħmel xi ħaġa "biex il-ħajja tan-nies tkun protetta minflok jiġri jaħfer il-multi ta’ min poġġa lill-ħaddieħor fil-periklu billi kiser il-liġi li għamel hu stess."

L-għaqda temmet tittama li m’hemmx xi interessi ta’ min hu b’saħħtu li qed iżommu milli jittieħdu l-passi neċessarji.

More in Politika