'Kieku smajt mill-MAM u għamilt lockdown kieku n-nies mietu bil-ġuħ u l-għatx' - Abela

Dwar l-amnestija għall-multi, Abela qal li dan il-mekkaniżu jeżisti tant li kien hemm talbiet ġenwini li ntlaqgħu

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu wieġeb għall-kritika li rċieva wara d-diskors tal-lbieraħ, fosthom mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija, mill-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel u anke mill-Assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta lit-tobba li jaħdmu fis-Saħħa Pubblika u insista li mhuwiex minnu li mar kontra l-pariri li qed jingħata.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, qabel daħal Kastilja, dwar l-ittra mibgħuta lilu mill-Malta Association of Public Health Medicine, fejn saħqu li huwa 'prematur' li jinfetħu l-barijiet u li din kienet deċiżjoni 'unilaterali,' Abela saħaq li ma rċieva l-ebda pariri minn din l-assoċjazzjoni.

Qal biss li hu dejjem mexa skont il-pariri li ngħata anke jekk kien hemm uħud minnhom li ma qabilx magħhom.

Semma' fost oħrajn il-pariri li ngħatawlu mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija biex isir lockdown u saħaq illi li kieku sema' minnhom "in-nies flok mietu bil-COVID, mietu bil-għatx u bil-ġuħ."

Insista li dak huwa x-xogħol tal-Prim Ministru li jrid jiżen kollox u jieħu deċiżjonijiet għall-ġid tal-poplu.

Mistoqsi hux se jippubblika r-risk assessment li fuqu l-Gvern qed jiddeċiedi, il-Prim Ministru qal li dan sar mill-Professur Charmaine Gauci.

Tenna dak li qal ilbieraħ, jiġifieri li meta ġew illaxkati l-ewwel miżuri u anke t-tieni, kien hemm min qal li ġejja t-tieni mewġa iżda l-fatti qed juru rata baxxa ta' trasmissjoni.

Propju għalhekk li insista li d-deċiżjoni li nhar il-Ġimgħa jinfetħu l-bqija tan-negozji hija waħda tajba.

Dwar il-mekkaniżmu għall-amnestija tal-multi, Abela saħaq li l-kumment tiegħu tgħawweġ. Insista li dan il-mekkaniżmu jeżisti għax ir-reati ta' COVID ikunu deċiżi mill-Kummissarju għall-Ġustizzja.

Fil-fatt, fi kliemu, quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet kien hemm talbiet minn persuni li ngħataw il-multa u li dawn intlaqgħu.

Insista li hemm anzjani li qalgħu multa għal raġunijiet żgħar u li fuqhom ma kellhomx kontroll.

"Qed nitkellem biss fuq każiijet ġenwini," insista Abela.

Aqra wkoll:

'Il-PM qed ikun opportunist'; It-tobba u l-infermiera bi kliem iebes wara l-kummenti ta' Abela

More in Politika