'Il-PM qed ikun opportunist'; It-tobba u l-infermiera bi kliem iebes wara l-kummenti ta' Abela

L-MUMN qalet li ma għandhiex fiduċja li l-PM qed jimxi mal-pariri tal-esperti tas-Saħħa Pubblika u għalhekk qed titolbu jippubblika l-istrateġija

Tkompli r-rabja għad-diskors u l-kummenti li għamel ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela fejn ta l-impressjoni li l-COVID-19 għadda u l-ħajja tista’ tmur lura għan-normal. Dalgħodu kemm l-Assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta lit-tobba (MAM) u anke l-Unjin tal-Infermiera (MUMN) ħarġu jikkundannaw il-kummenti, bl-MUMN tiddeskrivihom bħala “xokkanti u tal-biża’.”

Fost oħrajn, il-Prim Ministru tkellem dwar mekkaniżmu li se jkun qed jitwaqqaf biex persuni li fl-aħħar ġimgħat qalgħu multi u li iżda kellhom raġuni valida u ġenwina, jingħataw amnestija.

“Kien hemm porzjon żgħir tal-popolazzjoni li ma kellhom l-ebda rispett għas-sagrifiċċji li saru u l-Prim Ministru ddeċieda li jagħtihom amnestija. Amnestija hija insult għall-ħidma tal-ħaddiema tas-saħħa u anke tradiment għal dawk kollha li rrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Id-diskors tal-Prim Ministru lbieraħ mhux biss kien xokkandi iżda tal-biża’ wkoll. Tal-biża’ li tiddikjara li l-kriżi tal-COVID għaddiet, tal-biża’ li tiftaħ l-ajruport meta l-aħħar miżuri li ttieħdu għadhom qed ikunu evalwati u tal-biża’ li tipprovdi amnestija,” insistiet l-MUMN.

 Aqra: Bars u gyms se jiftħu nhar il-Ġimgħa ... portijiet u l-Ajruport jiftħu fl-1 ta' Lulju

Min-naħa tagħhom, it-tobba saħqu li l-proposti tal-Prim Ministru jmorru kontra l-pariri tal-esperti tas-Saħħa Pubblika u ma għandhom l-ebda bażi xjentifika. Il-MAM tfakkar lill-Prim Ministru li fl-aħħar ġimgħa biss kien hemm tlett imwiet u għalhekk is-sitwazzjoni mhijiex sabiħa daqskemm pinġiha. Għad hemm trasmissjoni lokali tal-virus u li x’aktarx tiggrava malli jiftaħ l-istaġun tat-turiżmu.

“L-għaġla biex innaqsu l-miżuri li kkontrollaw il-virus, tpoġġi riskju akbar fuq is-saħħa, thedded il-kunfidenza tal-pubbliku u anke tista’ tkun kontro produttiva għall-ekonomija,” saħqu t-tobba.

Dwar l-amnestija, it-tobba insistew li din mhijiex xi ħaġa li wieħed jistenna minn gvern responsabbli.

“MAM temmen fis-saltna tad-dritt u l-ebda politiku ma għandhu jhedded il-ħidma tal-pulizija, il-prosekuturi pubbliċi jew il-ġudikaturi għall-ebda reat. Ma għandu jkun hemm l-ebda premju għal min hu traskurat u poġġa f’riskju ħajjet ħaddieħor,” insistew it-tobba.

Intant, l-MUMN qed tisfida lill-Prim Ministru biex jippubblika l-istrateġija għat-tnaqqis tar-restrizzjonijiet u li waslu għandu mis-Supretendent tas-Saħħa Pubbliku.

Qed tagħmel dan, għax fi kliemha ma għandhiex fiduċja li l-Prim Ministru qed jimxi mar-rakkomandazzjonijiet tas-Saħħa Pubblika.

“Kull miżura jeħtieġ li tkun evalwata fuq perjodu ta’ tliet ġimgħat qabel ikunu llaxkati aktar miżuri, imma f’dan il-każ, il-Prim Ministru qed ikun opportunist għad-dettriment tal-infermiera, il-qwiebel, il-fiżjoterapisti u ħaddiema tas-saħħa oħra apparti l-persuni vulnerabbli u l-anzjani,” saħqet l-MUMN. “Bil-ftuħ tal-ajruport, qed jitpoġġa riskju fuq il-ħajjiet tal-persuni kollha vulnerabbli, il-ħaddiema tal-isptar u b’mod partikolari l-anzjani u li l-ebda Prim Ministru ma għandu mandat fuqhom.”

More in Politika