Bars u gyms se jiftħu nhar il-Ġimgħa ... portijiet u l-Ajruport jiftħu fl-1 ta' Lulju

Il-PM Robert Abela jgħid illi min qal li r-rilassament tal-miżuri se jwassal għal żieda qawwija fil-każi 'ma kellux raġun'

Nhar il-Ġimgħa se jkunu qed jiftħu l-bars u l-gyms filwaqt li nhar l-1 ta' Lulju se jkunu qed jerġgħu jiftħu l-portijiet u l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta.

Dan ħabbru l-Prim Ministru Robert Abela waqt programm fuq l-istazzjon ta-radju ONE hekk kif in-numri ta' każi ġodda ta' Covid-19 f'pajjiżna kif ukoll il-każi attivi baqgħu neżlin - b'din il-ġimgħa timmarka bosta jiem illi fihom ma kien hemm ebda każi ġodda.  Ilbieraħ kien hemm żewġ każi ġodda u ħdax-il persuna li fiequ biex il-każi attivi reġgħu niżlu għal 84.   

B'kollox sa issa fiequ 525 persuna u  - sfortunatament - tilfu ħajjithom disa'.  Sal-bieraħ kienu saru 68,038 swab minn meta faqqa' l-ewwel każ.

Il-PM ma tax dettalji dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-portijiet u l-ajruport għalkemm qal illi għada t-Tnejn se jkunu qed jitħabbru d-dettalji ta' potokolli u linji gwida għall-ftuħ ta' dawn il-postijiet. 

"Dawk li qalu illi meta nirrilassaw ir-restrizzjonijiet se jiżdiedu bil-qawwi l-każi ma kellhomx raġun.  Il-Covid-19 tinsab warajna," saħaq il-PM Abela. 

Hu ħabbar ukoll li nhar is-7 ta' Ġunju se jitħabbar euro-baġit "multi-miljunarju". 

More in Politika