Aktar immigranti abbord il-Captain Morgan; Nisa u tfal jiddaħħlu Malta

Hemm immigranti li ilhom tliet ġimgħat abbord bil-Gvern jidher li se żomm sod sakemm tinstab soluzzjoni Ewropea

Ritratt tal-MaltaToday
Ritratt tal-MaltaToday

Aktar immigranti ġew trasferiti abbord bastimenti tal-Captain Morgan ftit ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin wara li ġew salvati mill-Forzi Armati hekk kif Malta tibqa’ ma tilħaqx ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar ir-rilokazzjoni immedjata ta’ dawn il-persuni.

Dan ifisser li t-total ta’ immigranti abbord il-bastimenti tal-Captain Morgan issa jammonta għal 350.

It-Tnejn li għadda l-Forzi Armati salvaw 90 immigrant u dawn ġew trasferiti abbord il-bastimenti tal-Captain Morgan kmieni t-Tlieta.

Madanakollu, dalgħodu, il-Forzi Armati kkjarifikaw li tmint itfal u 18-il mara tniżżlu Malta.

Intant, it-Tnejn li għadda, il-Ministeru għall-Intern, Byron Camilleri ċaħad informazzjoni li xi immigranti bdew strajk tal-ġuħ.

Ilbieraħ feġġ ukoll filmat, ippubblikat minn LovinMalta, fejn l-immigranti u anke l-ekwipaġġ jidhru jgħajtu ‘Viva l-Labour.’

Sa issa ma hemm l-ebda indikazzjoni sakemm se ddum din is-sitwazzjoni bil-Gvern jidher li se jżomm sod sakemm tinstab soluzzjoni Ewropea. Hemm immigranti li ilhom tliet ġimgħat abbord.

Malta għalqet il-portijiet tagħha fid-dawl tal-imxija tal-COVID-19.

Aqra wkoll: Sidien ta' tliet kumpaniji rrabjati li tħallew barra minn xogħol mogħti lill-Captain Morgan

More in Politika