Analiżi | Xfafar jaqtgħu minn kull naħa u baraxx kritika ... imma x'inhu pjan B?

Il-Gvern qiegħed jiffaċċja kritika qawwija għar-rilassament tal-miżuri Covid-19.  X'inhuma x-xenarji politiċi li jistgħu jiżviluppaw fiż-żmien li ġej?  Kif se jilgħabu mad-data ta' elezzjoni ġenerali li trid issir fl-2022? U l-ajruport, x'se jiġri?  Imma hemm alternattiva għal dak li qed joffri l-Gvern?

Robert Abela
Robert Abela

Il-pandemija Covid-19 qegħda mhux biss tifforma l-użanzi tagħna, ħajjitna, il-mod kif qegħdin u se nkomplu ngħixu imma qegħda tiddetermina wkoll ix-xenarju politiku ta' pajjiżna u l-futur u s-saħħa tal-Prim Ministru, li qed jaffaċċja l-akbar sfida li qatt iffaċċja pajjiżna u d-dinja fl-aħħar snin.

L-ILLUM se tanalizza diversi xenarji ta' fejn se mmorru minn hawn 'il quddiem- politikament - fil-każ tal-Gvern u l-PM Robert Abela, Prim Ministru relattivament ġdid li qed jiffaċċja sitwazzjoni ta' xfafar li jaqtgħu miż-żewġ naħat pero li dwarhom trid tittieħed deċiżjoni.
Ir-rilassament ta' aktar miżuri se tiddetermina ħafna saħħet il-Gvern u l-Prim Ministruħ

Il-ġimgħa l-oħra ġew irrilassati aktar miżuri u se jinfetħu aktar negozji, xi ħaġa li ntlaqgħet tajjeb minn ħafna imma ħażin minn ħafna oħrajn.
Filwaqt li il-PM Robert Abela aċċerta li l-miżuri saru fuq bażi xjentifika - dan jista' jkun ippruvat biss bil-fatti fil-ġimgħat li ġejjin, wara li ħafna jkunu reġgħu bdew jgħixu ħajjithom, marru għand hairdresser, barbier, forsi marru sar-ristorant jew marru sal-baħar.
Hemmhekk jkun iddeterminat x'inhu l-effett ta' dawn il-miżuri u kemm (jekk) wasslu għal żidiet fil-każi.

Għalhekk nagħtu ħarsa lejn ix-xenarju l-aktar ottimist u dak l-aktar pessimist.

Jekk jiżdiedu bil-kbir il-każi

Fl-agħar xenarju, jiġifieri li l-każi jiżiedu bil-kbir, jintefa' piż qawwi fuq il-Prim Ministru hekk kif ikunu bosta li jwaħħlu fih għall-fatt illi "fetaħ kmieni" "għaġġel" "waqa' għal-pressjoni" "ra biss il-fus" u ħafna aktar.  Il-kritka li qed issir issa minn bosta ċittadini fuq il-midja soċjali  - kontra r-rilassament - tingħata leġittimità, bil-probabbilità li l-Oppożizzjoni - sa issa pjuttost newtrali fuq ir-rilassament tal-miżuri - taqbeż fuq il-mewġa taż kritika wkoll.

L-ekonomija lokali mhijiex iddiżinjata biex tkampa għal suq daqstant żgħir u jekk dak is-suq ma jibdiex jikber, l-ekonomija se jkollha tiċkien hi biex tadatta!

Teżisti perċezzjoni pjuttost popolari mal-kritiċi tal-Gvern illi filwaqt li Fearne u s-Sovvratendenza tas-Saħħa Pubblika (Charmaine Gauci) qed jiġbdu għal aktar kawtela u stennija, il-Prim Ministru (u forsi dan huwa ovvju) qed jimbutta wkoll l-interessi ekonomiċi u kummerċjali tal-pajjiż. Dan ifisser illi f'dan ix-xenarju pessimist, il-probabbilità hija li s-swaba' kollha jippuntaw lejn Abela.

F'dan ix-xenarju ma tantx ikollu għażla għajr illi jreġġa' lura xi miżuri, li fil-fatt jaf tkun pillola qarsa ħafna għal dawk in-negozji żgħar u medji li jkunu bdew jirrankaw bil-mod il-mod, kif ukoll għall-popolazzjoni in ġenerali.  Dan jagħmel il-ftuħ mill-ġdid iktar diffiċli u milqugħ b'aktar xettiċiżmu milli ntlaqa' issa.

Sa issa jidher illi hemm ċaqlieqa 'l fuq anke jekk fil-fatt dan probabilment jirrifletti iż-żieda fl-iswab tests li saru li ġieli missew l-1,700 ikkumparart ma' numri ħafna iktar baxxi ġimagħtejn ilu.

Naturalment wieħed issa jrid jara ir-riżultati mal-medda tal-jiem.

Jekk ma jiżdiedux jew jonqsu l-każ

Minn naħa l-oħra jekk il-każi ma jiżdiedux b'mod notevoli jew saħansitra jonqsu, il-Prim Ministru jista' jgħid illi minkejja l-miżuri, il-linji gwida u l-protokolli ħadmu u l-ħajja bdiet terġa tiġi għan-normal.  Dan naturalment ikun suċċess kbir għall-pajjiżna u għall-Gvern li jkun ta' risposta għall-kritika ma taqta' xejn ta' ħafna.    

Din tkun aħbar tajba mhux biss għall-pajjiż, imma anke għal Abela li probabilment juża dan ir-riżultat bħala l-karta rebbieħa tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Jekk Abela jista' jipprova bil-fatti li sab il-bilanċ li hu u l-Gvern qed jaċċenna għalih - dan ikun jista' jersaq għal elezzjoni - prattikament mingħajr wisq ostakli għal rebħa ġdida u kbira.

Imma mhux in-numri tal-Covid-19 biss jgħoddu

Pero mhux kollox se jiddependi minn numru ta' każijiet ta' kemm se jfiequ jew ikollna każi ġodda ta' Covid-19.

It-test l-ieħor li fuqu se jiġi iġġudikat il-Gvern se jkun dak ekonomiku - u allura  kif il-pajjiż se jibda jiġi f'tiegħu f'termini ta' xogħol, ġid, konsum pubbliku u privat, turiżmu, kif ukoll is-sens ta' ottimiżmu li fl-aħħar mill-aħħar jdawwar ir-rota ekonomika.

Filwaqt li il-PM Robert Abela aċċerta li l-miżuri saru fuq bażi xjentifika - dan jista' jkun ippruvat biss bil-fatti fil-ġimgħat li ġejjin, wara li ħafna jkunu reġgħu bdew jgħixu ħajjithom

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta Alan Borg qal illi qed jara li fil-fatt is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal għal madwar l-2023.  Dan fil-fatt ikun wara s-sena illi fiha suppost isir elezzjoni ġenerali, fl-2022.  Dan juri allura illi l-elezzjoni ġenerali li jmiss - kuntrarjament għal dik tal-2017 - se ssir fi żmien fejn l-ekonomija tista' tkun fi stat ħażin ta' saħħa.

Jekk il-Gvern fil-fatt ikollu quddiemu ix-xenarju fejn ikollu jerġa jagħlaq u allura - inevitabbilment  - jipposponi l-ftuħ tal-ajruport , dan ikun ifisser illi l-kriżi ekonomika li ninsabu fiha tidħol sew fl-2022 meta allura issir l-elezzjoni ġenerali.

Minkejja l-popolarità tal-Partit Laburista u anke ta' Abela, tkun sfida enormi li jipprova jikkonvinċi lill-istess maġġoranza tivvutalu  jekk il-pajjiż ikun għadu qed jesperjenza eluf bla xogħol, negozji li sa dak iż-żmien ikunu fallew u għalqu, eluf ta' impjieg oħra mdendlin, il-kostruzzjoni kajmana u t-turiżmu kważi mwaħħal, bir-riperkussjonijiet kollha li dan iġib miegħu.

Jiġifieri bħalissa apparti l-kalkoli xjentifiċi u l-pressjoni li għaddejja minn diversi lobby groups b'interessi ta' miljuni ta' ewro, hemm ukoll il-kalkoli politiċi li qed isiru għal-2022.

Minkejja li l-vantaġġ li għandu l-Partit Laburista jibqa' kbir biżżejjed biex kważi jigarantixxi rebħa, b'ekonomija fi stat ħażin  - xejn ma jibqa' garanzija assoluta.

L-Ajruport:  L-aktar għadma iebsa

 Ladarba jinfetħu l-ħwienet kollha, l-aktar għadma iebsa se tkun l-ajruport b'sondaġġ li kien ippubblikat fuq The Sunday Times nhar il-Ħadd li għadda juri illi 86% ma jaqblux mal-ftuħ tal-ajruport, lanqas permezz tas-Safety Corridorrs.

Fil-Konferenza ta' nhar it-Tnejn il-PM qal li l-ajruport mhux se jinfetaħ "għada".  Dan hu minnu.  Pero'  xi darba dalwaqt - fil-ġimgħat li ġejjin -  il-Gvern irid jiddeċiedi x'se jagħmel għas-Sajf - jekk hux se jiftaħ  jew le.

Jekk se jiftaħ se jsib ħafna oppożizzjoni u kritika minn ħafna nies, mhux neċessrjament votanti nazzjonalisti biss. Dan huwa ġustifikat mill-fatt illi Malta impurtat il-virus u l-ftuħ tal-ajruport ifisser li jiġu nies minn barra li jistgħu jxerrduh iktar.  L-effett ta' żieda qawwija fin-numru mal-ftuħ tal-ajruport jista' jkun detrimentali f'kull sens, anke politikament.

Minn naħa l-oħra jekk ma jiftaħx it-twissijiet ta' tkeċċijiet bil-massa diġa' bdew.  U dan huwa ġustifikat ukoll għaliex negozju - kbir jew żgħir - qiegħed hemm biex jinvesti u joħroġ il-flus filwaqt li jkollu xi forma ta' dħul.  Il-fenomenu ta' qgħad għoli ħafna, pajjiżna ilu ma jesperjenzah u din taf tkun sorpiża kerha għal ħafna.

sa issa għadu ma ġiex ippreżentat pjan vijabbli u kredibbli, alternattiv għall-politika ta' rilassament tal-Gvern

Jekk ma jinfetaħx l-ajruport fil-verità, dan iwassal għal reazzjoni katina, hekk kif ħafna ristorants, bars u ħwienet tal-ħwejjeġ f'żoni bħal San Pawl il-Baħar, San Ġiljan/Paceville u anke l-Belt Valletta jkollhom jerġgħu jgħalqu minħabba li ma' tkunx vallapena jibqgħu miftuħin.

Ma ninsewx li bla turiżmu, s-suq Malti qed jonqos minn madwar 3 miljun persuna (2.6 miljun turist fl-2018 u mal-500,000 f'poplazzjoni) għal madwar 500,000 biss, li ħafna minnhom għandhom inqas flus fl-idejn.  L-ekonomija lokali mhijiex iddiżinjata biex tkampa għal suq daqstant żgħir u jekk dak is-suq ma jibdiex jikber, l-ekonomija se jkollha tiċkien hi biex tadatta!

Mit-ton ta' intervista li dehret f'din il-gazzetta mal-Minstru Julia Farrugia Portelli u mit-tweġiba li ta l-PM nhar it-Tnejn, jidher li sa issa l-miżien qed ixaqleb lejn il-possiilità ta' xi forma ta' Sajf.

Dan huwa riskju  - akbar mill-oħrajn u nuqqas ta' kawtela u edukazzjoni u informazzjoni dwar kif se jiftaħ l-ajruport u x'miżuri se jittieħdu jistaż jkun kontro-produttiv, jaf jagħmel ħsara lis-saħħa u anke lill-immaġini tal-PM Abela.

M'hemmx pjan atlternattiv serju għar-rilassament

Li żgur se jaħdem favur Abela, bl-affarijiet kif inhuma, huwa l-fatt li sa issa għadu ma ġiex ippreżentat pjan vijabbli u kredibbli, alternattiv għall-politika ta' rilassament tal-Gvern.  Għad ma kienx hemm rispons organizzat u studjat li jgħidilna l-Gvern ma messux fetaħ issa, meta messu fetaħ u għaliex.  M'hemmx pjan alternattiv li qiegħed jipproponi kontinġenza f'każ li l-ajruport idum ma jiftaħ.

Jekk fil-fatt tanalizza l-kitika, ħafna minnha ddur ma' dak li l-Gvern ma messux għamel, imma fl-ebda ħin ma tindika kif il-Gvern jista' jilħaq bilanċ serju bejn il-bżonn ta' prevenzjoni mill-mard u l-bżonn li l-ekonomija ma nħalluhiex titkisser.  L-argument ta' "insa l-enkonomija, imbagħad naraw ...,' hija non sequitur - jiġifieri argument li fil-fundamenti tiegħu ma jreġix u ma jistħoqqlux diskussjoni.

L-attitudni tal-Oppożizzjoni, fuq il-ftuħ ta' negozji, rilassament ta' miżuri u anke l-ajruport sempliċiment li tistenna lill-Gvern jiddeċiedi u tieħu back seat, qed jirrendi lill-Oppożizzjoni irrelevanti, f'din id-diskussjoni hekk importanti.

Fil-bidu l-Oppożizzjoni bniet momentum bi proposti għal miżuri kważi kuljum, xi ħaġa li poġġiet lill-Oppożizzjoni fuq qudiem u ġieli qabel il-Gvern. Jidher li malli bdew jitħabbru r-rilassamenti tal-miżuri, dan il-momentum intilef.

Dan allura qed ipoġġi lill-PM f'dawl pożittiv, fis-sens li l-Gvern qed jiddeċiedi u ħadieħor le.

More in Politika