Illum ma hemm l-ebda każ ġdid ta' COVID-19; 'Moħħna hemm ħa nkomplu ngawdu s-suċċess'

Għadu mhux magħruf kemm saru testijiet ilbieraħ u jekk kienx hemm persuni ddikjarati mfejqa

Illum ma hemm l-ebda każ ġdid ta' COVID-19 f'Malta. Hekk ħabbar id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Din kienet it-tieni darba f'Malta, minn meta feġġ l-ewwel każ, fejn f'24 siegħa ma rriżulta l-ebda każ ġdid.

Apparti minn hekk, wara li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm xi ġranet fejn il-każi telgħu xi ftit, fl-aħħar jiem in-numri reġgħu kienu baxxi.

Fl-aġġornament li qed jidher kuljum fuq il-paġna tal-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook, intqal li dan iż-żero huwa minn 1,472 test fl-aħħar 24 siegħa.  Fl-istess ħin ma kienu irrappurtati ebda każi ġodda ta' nies li fiequ, biex il-każi attivi baqgħu ta' 120. 

Sa issa fiequ 485 każ ta' nies li kellhom dan il-virus.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, kemm il-darba spjegat li peress li Malta huwa pajjiż żgħir, in-numri jvarjaw u għalhekk l-awtoritajiet ma jħarsux lejn in-numri ta' ġurnata iżda lejn il-medja tal-ġimgħa.

"Għax qbadna t-triq it-tajba mill-bidu, ir-responsabilità u s-sagrifiċċji ta’ ħafna qed jagħtu l-frott. Ebda każ ġdid ta’ #covid_19 il-bieraħ. Moħħna hemm ħa nkomplu ngawdu s-suċċess," hekk saħaq il-Ministru Fearne.

Għadu mhux magħruf kemm saru testijiet ilbieraħ u jekk kienx hemm persuni ddikjarati mfejqa.

More in Politika