Bedingfield jitlob lill-Kummissarju għall-Istandards biex jinvestiga lil Jason Azzopardi

Bedingfield qed jakkuża lil Jason Azzopardi li kiser il-kunfidenzjalità professjonali meta tkellem fil-Parlament dwar l-avukat Charles Mercieca

Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield talab lill-Kummissarju għall-Istandards biex jinvestiga l-kummenti tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, għax fi kliemu, fil-Parlament, kiser il-kunfidenzjalità professjonali.

Dan wara li f’diskors li għamel fil-Parlament, Azzopardi allega li jista’ jkun hemm każ ta’ kollużjoni bejn l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera u anke l-avukat żagħżugħ Charles Mercieca.

Azzopardi saħaq li meta kien għadu jaħdem bħala prosekutur fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Mercieca għażel li ma jinsistix għal sentenza ta’ erba’ snin ħabs għal impjegat tad-Dipartiment tas-Sajd, li s-sentenza tiegħu kien ġiet imnaqqsa għal tliet snin probation wara l-appell.

Kienet l-istess Imħallef Consuelo Scerri Herrera li mexxiet l-appell kontra dan l-akkużat. 

Bedingfield saħaq li mhux sew li Deputat Parlamentari juża l-privileġġ Parlamentari biex jakkuża membru tal-ġudikatura u jattakka l-integrità tagħha.

Skont il-Whip tal-Gvern, dak li għamel Azzopardi jmur kontra l-kodiċi tal-etika tal-Membri Parlamentari.

“B’mod indirett, huwa qal li kien hemm kollużjoni bejn l-avukat, li sa ftit taż-żmien ilu kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u terzi persuni, jiġifieri l-Imħallef li tat is-sentenza. Baqa’ jisħaq li l-fatt li l-Avukat Ġenerali ma baqax jinsisti li l-akkużat jingħata sentenza ta’ ħabs huwa suspettuż u għandu jkun invesigat,” kiteb Bedingfield.

Bedingfield kompla jakkuża lil Azzopardi li naqas milli jsemmi għaliex il-Qorti għażlet li tbiddel is-sentenza mal-appell, waqt li ppreżenta s-sentenza ta’ 50 paġna.

“Agħar minn hekk huwa l-fatt li Dr Jason Azzopardi qal li l-avukat li kien qed jirrappreżenta lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, jiġifieri Dr Charles Mercieca, ma kienx awtorizzat li jgħid fil-Qorti li ma kienx qed jinsisti għal sentenza ta’ ħabs għax ma ngħatax dan il-permess mis-superjuri tiegħu,” ikompli Bedingfield.

Skont il-Whip, jekk din l-informazzjoni hija veritiera, hija informazzjoni sensittiva li qatt ma kellha tinħareġ fil-pubbliku.

Bedingfield insista li d-dikjarazzjoni ta’ Azzopardi hija bbażata fuq informazzjoni kunfidenzjali u dan għandu jkun investigat mill-Kummissarju għall-Istandards.

L-avukat żagħżugħ spiċċa fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li ssieħeb fit-tim legali li qed jiddefendi lil Yorgen Fenech u dan inqas minn 24 siegħa wara li rriżenja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis kien ordna inkjesta dwar dan.

More in Politika