Schiavone jwissi dwar distakk ta' 90,000 u telf ta' seba' siġġijiet għall-Partit Nazzjonalista

Hermann Schiavone analizza l-aħħar sondaġġ politiku tal-MaltaToday ippubblikat ilbieraħ

Id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone qed iwissi li l-Partit Nazzjonalista jista’ jitlef xejn inqas minn seba’ siġġijiet Parlamentari u dan wara li l-aħħar sondaġġ ippubblikat ilbieraħ fuq il-gazzetta oħt MaltaToday wera distakk ta’ 30% bejn iż-żewġ partiti.

Schiavone kiteb nota, li fiha analizza dan ir-riżultat, liema nota għaddhieha lill-kollegi tiegħu u raha wkoll is-sit MaltaToday.

Skont is-sondaġġ, kieku kellha ssir elezzjoni, il-Partit Nazzjonalista jikseb biss 22.1% tal-voti, bl-appoġġ lill-Partit Laburista jibqa’ wieħed qawwi, jiġifieri ta’ 51.9%, jiġifieri żieda ta’ kważi 3% meta wieħed iqabbel dan is-sondaġġ ma’ dak tax-xahar li għadda.

Fin-nota tiegħu, Schiavone jwissi li dan id-distakk ifisser 90,000 vot differenza bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, bl-analiżi tiegħu tkun ibbażata fuq ir-riżultat u l-andament tal-aħħar elezzjoni ġenerali.

Dan ikun ifisser li l-PN jista’ jitlef seba’ siġġijiet parlamentari, bil-possibbilità li jirnexxielu jikseb bejn żewġ u erba’ siġġijiet meta jiskatta l-mekkaniżmu tal-proporzjonalità.

Skont Shiavone, il-Partit Nazzjonalista se jitlef l-aktar fil-ħames, it-tmienja, id-disa’ u l-ħdax-il distrett elettorali.

Mistoqsi minn MaltaToday dwar din in-nota, Shiavone qal li jibgħat nota simili wara kull sondaġġ li jkun ippubblikat.

Fl-istess nota, Schiavone jitlob li ssir analiżi interna ta’ dan ir-riżultat u li t-tmexxija torganizza laqgħa tal-grupp parlamentari biex tkun diskussa din il-materja.

More in Politika