Għajnuna finanzjarja lill-kumpaniji li joffru opportunità ta' telework lill-ħaddiema Għawdxin

L-għan ta' din l-iskema huwa li jonqos l-iskariġġ għall-ħaddiema Għawdxin u jinħoloq aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tagħhom

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda skema ġdida bil-għan li aktar kumpaniji joffru l-opportunità lill-ħaddiema Għawdxin biex jaħdmu mid-dar biex filwaqt li jonqos l-iskariġġ għall-ħaddiema, jinħoloq aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-istess ħaddiema.

Permezz tal-Gozo Teleworking Scheme, se jkunu qed jibbenefikaw finanzjarjament kumpaniji bbażati f’Malta li joffru lill-ħaddiema Għawdxin, residenti f’Għawdex il-faċilità ta’ teleworking, jiġifieri li jaħdmu mid-dar.

Kull kumpanija tista’ tingħata benefiċċju sa massimu ta’ 10 ħaddiema fis-sena.

Il-fond se jkun qed jagħti inċentivi finanzjarji fuq żewġ binarji:

  • Rimborż parzjali ta’ 75% sa massimu ta’ €850 fuq spiża ta’ appart teknoloġiku li jinxtara għal kull impjegat
  • Rimborż tas-salarji sa massimu ta’ €10,000 fuq medda ta’ 3 snin, li jkunu offruti fuq bażi pro-rata skont l-ammont ta’ ġranet fil-ġimgħa li l-impjegat ikun assenjat telework

Il-Ministru Camilleri spjega kif biex tkun imħarsa s-sostenibbiltà ta’ din l-iskema, il-kumpaniji se jkollhom rimborż annwali kif isegwi:

  • Fl-ewwel sena massimu ta’ €3,000
  • Fit-tieni sena massimu ta’ €3,000
  • Fit-tielet sena massimu ta’ €4,000

Ir-rimborż tas-salarji se jingħata wara l-ewwel sena ta’ ħidma bit-telework, filwaqt li r-rimborż parzjali fuq l-apparat tekniku jkun eliġibbli meta l-applikazzjoni tiġi milqugħa mill-ministeru skont il-linji gwida stabbiliti, li ser ikunu qed jidhru fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru Għal Għawdex fil-jiem li ġejjin.

“F’dawn l-aħħar ġimgħat minħabba l-pandemija, ħeġġiġna ħafna lil min iħaddem biex fejn hu possibbli joffri t-telework lill-ħaddiema tiegħu. Bosta employers li offrew it-telework innutaw li filwaqt li x-xogħol baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb, jekk mhux aħjar, naqsulhom ukoll ħafna spejjeż,” saħaq il-Ministru waqt li tenna li hekk il-Gvern se jkun qed iwettaq wiegħda oħra tal-Gvern kif stabbilit fil-Manifest Elettorali 2017 u miżura tal-baġit għas-sena 2020. 

More in Politika