157 stabbiliment lesti biex minn għada jiftħu l-bibien tagħhom

Jibdew l-ispezzjonijiet biex l-istabbilimenti jkunu jistgħu jingħataw ċertifikat mill-MTA

157 sid ta' stabbiliment talbu lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex iżżur l-istabbilimenti tagħhom hekk kif dawn ħejjew kollox, skont il-protokolli mħabbra, biex ikunu jistgħu jiftħu mill-ġdid il-bibien tagħhom minn għada.

Kif tħabbar, l-ebda stabbiliment mhu se jitħalla jiftaħ qabel jingħata ċertifikat li juri li huma konformi ma' dawn il-protokolli. Bażikament dan iċ-ċertifikat huwa garanzija li l-istabbiliment ikun qed iħares l-ogħla standards ta' servizz u iġjene.

Fil-fatt, mill-bieraħ bdew l-ispezzjonijiet bil-għan li minn għada diversi ristoranti u stabbilimenti oħra jkunu jistgħu jiftħu l-bibien tagħhom.

L-ispezzjonijiet jibqgħu jsiru u min jinqabad jikser ir-regolamenti se jkun qed jitteħidlu ċ-ċertifikat. Jekk jikser ir-regolamenti darbtejn se jkun revokata l-liċenzja tiegħu.

Għaċ-ċertifikazzjoni jew għal iktar assistenza wieħed jista’ jċempel lill-MTA fuq 2169 2447 jew permezz ta’ ittra elettronika lil [email protected].

More in Politika