'Min mhux se jimxi mal-protokolli se jitlef il-liċenzja' - Il-linji gwida għar-ristoranti, lukandi u bajjiet

Qabel jinfetħu l-istabbilimenti se jkunu qed isiru spezzjonijiet u kull ristorant, kafetterija jew lukanda se tingħata liċenzja li titweħħel mal-bieb u li tindika li l-istabbiliment ikun qed isegwi l-ogħla standards

Il-Ministru għat-Turiżmi, Julia Farrugia Portelli saħqet li meta min-nhar il-Ġimgħa l-familji Maltin u Għawdxin se jkunu jistgħu jmorru jieklu jew jieħdu kafe kif iħobbu jagħmlu, se jkunu aktar siguri minn qatt qabel waqt li saħqet li Malta hekk se tkun irriklamata mil-lum ‘il quddiem, jiġifieri li Malta huwa pajjiż sigur.

“Liema familja mhux se jkollha bżonn il-mistrieħ wara dawn ix-xahrejn. Anke jekk l-ajruport tagħna jinsab magħluq, se jkollna ċans li ngawdu t-turiżmu intern. Li nesploraw irħulha differenti f’Malta u Għawdex. Li mmorru Għawdex u se jkollna moħħna mistrieħ li l-postijiet li se nkunu qed inżuru se jkunu tal-aqwa u l-ogħla standards,” saħqet il-Ministru Farrugia Portelli.

Fil-fatt, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qed tiftaħ il-helpline tagħha biex l-istabbilimenti tal-ikel, lukandi u oħrajn se jkunu jistgħu jċemplu biex jekk jaħsbu li jistgħu jiftħu, imorru l-uffiċjali jagħmlu l-ispezzjonijiet u jingħataw ċertifikat li se jkun jidher fil-bieb tal-istabbiliment.

Il-helpline huwa 21692447.

“Min mhux se jimxi ma’ dan il-protokoll se jkun qed jitlef il-liċenzja tiegħu,” insistiet il-Ministru Farrugia Portelli. Fil-fatt, min jinqabad jikser il-linji gwida se jkun qed jitteħidlu ċ-ċerifikat li se jkun imwaħħal mal-bieb. Jekk jinqabad jikser darbtejn dawn il-linji gwida, se tkun irtirata l-liċenzja tal-istabbiliment fejn jiġi ssiġillat.

L-ispezzjonijiet se jkunu qed isiru minn żmien għal żmien

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Johann Buttigieg spjega pass pass il-protokolli li bihom se jkunu qed joperaw l-istabbilimenti min-nhar il-Ġimgħa.

Kuljum, l-operatur tal-istabbiliment irid jiffirma dikjarazzjoni li fiha jiddikjara li l-istabbiliment tiegħu jkun qed isegwi l-ogħla standards.

Fuq kollox, irid ikun assigurat li l-istaff ta' kwalunkwe stabbiliment ikollu visor jew maskra, ingwanti. Apparti minn hekk irid ikollhom ukoll ilbies protettiv mhux biex jintlibes ta' kuljum iżda f'każ li jinqala' inċident.

Qed isir rakkomandat ukoll li jsir il-ħlas permezz ta' karti tal-kreditu contactless, bil-għan li l-ħlas bil-flus kontanti jkun imnaqqas kemm jista' jkun.

Linji gwida - Ristoranti / Kafetteriji inkluż fil-lukandi

  • Kull min għandu post fejn jista' jservi l-ikel barra, għandu juża dan il-post. Minn għandu ġewwa u barra, jista' juża barra biss. Min  ma għandux post barra biss jista' juża ġewwa
  • Buffets ma jistgħux ikunu servuti, la fil-lukandi u lanqas fir-ristoranti
  • It-tipjip kemm ġewwa u kemm barra għandu jkun ipprojbit.
  • Sauces, ketchups, bżar u melħ u affarijiet oħra ma jistgħux ikunu fuq il-mejda. Għaż-żmien li ġej se jintużaw biss dawk disposable.
  • Klijenti jridu jiddiżinfettaw idejhom qabel jidħlu u anke meta joħorġu mir-ristorant
  • Il-ħin li fih l-ikel ikun servut għandu jitwessa kemm jista' jkun iżda ma jistax jaqbeż il-11pm
  • Il-pożati jistgħu jintużaw. Dawn għandhom jitpoġġew f'pakketti apposta
  • Self-dispensers ma jistgħux jintużaw, ħlief dawk tas-sigaretti u ATMs. Ħdejhom irid ikun hemm hand sanitiser
  • It-tindif irid isir mhux biss fuq il-mejda iżda anke fuq is-siġġijiet. Ħadd ma jista' jpoġġi fuq mejda jew siġġu qabel ma jiġu mnaddfa
  • Ma jistax ikun hemm kjuwijiet għar-ristoranti.
  • Ħadd ma jista' jieħu drink ma' bar
  • Menus ma jistgħux ikunu forma ta' ktieb iżda jridu jkunu kartella waħda li tintrema wara li tintuża. Jista' jintuża tablet li wara jitnaddaf
  • Kull mejda ma tistax takkomoda aktar minn sitta persuni
  • Minn siġġu għal siġġu jrid ikun hemm distanza ta' metru. Jekk fuq ġewwa, minn siġġu għal siġġu jrid ikun hemm distanza ta' żewġ metri
  • Bejn mejda u mejda jrid ikun hemm distanza ta' żewġ metri fuq ġewwa u ta' tliet metri fuq barra

Għal min ma jistax joffri servizz barra, ir-ristorant jiġi mkejjel u ma jistax ikun hemm aktar minn persuna għal kull erba' metri kwadri. Dan apparti d-distanza ta' bejn l-imwejjed u s-siġġijiet.

Linji gwida - Pool areas

  • Qabel persuni jidħlu f'pool area jridu jiddiżinfettaw idejhom
  • Hand-dryes li jintużaw fi kmamar tal-banju, anke f'ristoranti u f'lukandi kemm jista' jkun ma jintużawx.
  • L-għadd ta' persuni li jista' jkun hemm f'pool area qed jitnaqqas għan-nofs dak liċenzjat
  • Wara kull klijent irid isir it-tindif tas-sunbed, l-umbrella u s-siġġijiet
  • Kull familja hija unit. Jekk mhux tal-istess familja, kull unit ma jistax ikun akbar minn sitt persuni
  • Bejn unit u ieħor irid ikun hemm distanza ta' żewġ metri
  • Il-water attractions ma jistgħux jiġu operati

Linji gwida - Bajjiet

  • Il-bajjiet se jkunu mnaddfa kuljum
  • L-operaturi ma jistgħux jarmaw id-deckchairs qabel ma jsir it-tindif ta' kuljum
  • In-nies qed ikunu mħeġġa jibbukkjaw id-deckchairs tagħhom
  • Il-bins se jkunu qed jitnaddfu darbtejn kuljum
  • Public toilets se jkunu qed jitnaddfu kull siegħa
  • Showers u mobile toilets mhux se jkunu permissibbli
  • Persuni qed ikunu mħeġġa jżommu d-distanza ta' żewġ metri anke fil-baħar

Sejħa għal supervisors

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħarġet sejħa għal supervisors biex jedukaw u anke jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-regoli li għandhom isegwu fuq il-bajjiet.

Tista' tixgħel l-AC?

Min ma jistax jagħmel mod ieħor u se jkollu jagħmel l-imwejjed ġewwa, irid inaddaf il-filters tal-airconditions minn tal-inqas darba fil-ġimgħa.

Il-każini se jiftħu?

Iva, il-każini se jkunu qed jiftħu u l-istess regoli li japplikaw għar-ristoranti u l-barijiet japplikaw ukoll għall-każini.

More in Politika