Kif se joperaw ir-ristoranti, il-hairdressers u l-lukandi? Charmaine Gauci tispjega pass pass

Id-distanza soċjali, l-iġjene personali, l-użu tas-sanitisers fl-istabbilimenti kollha miftuħa u l-protezzjoni tal-vulnerabbli jibqgħu essenzjali

Hekk kif id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li min-nhar il-Ġimgħa se jkunu qed jinfetħu r-ristoranti u l-hairdressers, fost oħrajn, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci ħabbret il-protokolli li permezz tagħhom se jkunu qed joperaw dawn l-istabbilimenti hekk kif il-mezzi ta' mitigazzjoni jibqgħu importanti u essenzjali.

Fil-fatt, fi kliem Gauci, id-distanza soċjali, l-iġjene personali, l-użu tas-sanitisers fl-istabbilimenti kollha miftuħa u l-protezzjoni tal-vulnerabbli jibqgħu importanti.

Nies fl-istess kamra

Spjegat kif l-istess miżuri ta' mitigazzjoni li ttieħdu meta nfetħu l-ħwienet, bħal dawk tal-ħwejjeġ, jibqgħu japplikaw ukoll għall-istabbilimenti li se jiftħu mill-Ġimgħa.

"Il-prinċipju li ma jistax ikollok numru ta' nies fl-istess kamra jrid jaddatta anke għal dawn l-istabbilimenti wkoll. Dawn iridu jaħdmu fuq sistema ta' appuntamenti. Fejn in-numru ta' nies li jkunu f'din il-kamra jrid ikun limitat," saħqet Gauci.

Il-maskri u d-distanza...

Fil-fatt, anke hawn l-użu tal-maskri jibqa' obbligatorju kemm mill-klijent u anke minn min ikun qed joffru s-servizz.

"Anke s-siġġijiet, fl-istabbilimenti tal-hairdressing, beauticians u oħrajn iridu jkunu f'distanza ta' żewġ metri 'l bogħod minn xulxin," spjegat is-Supretendent Gauci. F'każi fejn dan ma jkunx possibbli, jistgħu jintuża l-perspex biex jifred siġġu minn ieħor.

Attivitajiet fuq barra

Is-Supretendent tas-Saħħa saħqet li jistgħu jibdew isiru wkoll xi attivitajiet fuq barra, sakemm ikun hemm kontroll.

"Meta jkollok attivitajiet li jkunu fuq barra, ir-riskju se jonqos," saħqet Gauci waqt li tat l-eżempju ta' 'outdoor cinema' fejn persuna tkun tista' ssegwi film kemm mill-karozza jew inkella bilqiegħda fuq barra, basta jkun hemm id-distanza ta' żewġ metri minn persuni oħra.

Sports

Kif ħabbar il-Ministriu Chris Fearne, min-nhar il-Ġimgħa, se jkunu permessibbli ġemgħat ta' sitt persuni f'postijiet pubbliċi.

Għalhekk anke fil-każ tal-isports, dan jista' jkun ipprattikat biss sakemm isir fuq barra u ma jkunx hemm aktar minn sitt persuni miġbura flimkien.

Bajjiet u outdoor pools

Ħafna persuni bdew imorru fuq il-bajjiet. Charmaine Gauci saħqet li ma hemm xejn ħażin, iżda appellat biex gruppi jew persuni jżommu d-distanza ta' żewġ metri 'l bogħod minn persuni oħra li s-soltu ma jkunux magħhom.

Dan ifisser li jekk tmur il-baħar ma' grupp ta' sitt persuni, trid iżżomm id-distanza mill-gruppi jew persuni oħra fuq l-istess bajja.

Fil-fatt, apparti l-bajjiet, se jkunu qed jinfetħu wkoll l-outdoor pools fejn ukoll se jkun hemm restrizzjonjiet fuq kemm jistgħu jidħlu persuni.

Ir-regolamenti fil-liġi dwar dawn l-iswimming pools jiddettaw kemm jistgħu jidħlu persuni. Dan in-numru se jkun qed jitnaqqas bin-nofs.

Akkomodazzjoni

Hekk kif Maltin u Għawdxin se jkunu jistgħu jmorru fil-lukandi, tħejjew ukoll protokolli għalihom.

Dwar dan, is-Supretendent tas-Saħħa ma tatx aktar dettalji. Hu mifhum li aktar dettalji se jingħataw din il-ġimgħa

Swieq fil-Miftuħ

Anke s-swieq miftuħa se jkunu permessibbli. Gauci spjegat kif anke dawn se jkunu qed jintalbu jsegwu protokolli biex l-għadd ta' persuni li jinġabru jkunu "minimizzat."

Madanakollu, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ma tatx aktar dettalji dwar kif se jkun ikkontrollat l-għadd ta' persuni li jkunu jridu jmorru jixtru mill-monti li jarma f'diversi bliet u rħula.

Multi?

Mistoqsi jekk hux se jkun hemm multi għal min ma jimxix mal-protokolli, fosthom dawk tad-distanza bejn mejda u oħra jew siġġu u ieħor, il-Prim Ministru Robert Abela wieġeb fin-negattiv anke jekk saħaq li mhux qed jelimina l-aspett ta' infurzar, iżda l-enfasi tibqa' fuq l-edukazzjoni, għax fi kliemu, din kienet "formula li ħadmet."

"Nagħmlu mod wieħed imur jiekol f'ristorant u d-differenza fid-distanza tkun minima. Tista' tieħu miżura li jekk jiġi uffiċjal tal-infurzar ikejjel u jweħħlek multa. Mill-banda l-oħra wieħed jista' jmur għad-deċiżjoni li jeduka, raġonevoli, fejn wieħed jeduka u jiġbed l-attenzjoni," saħaq Abela. "In-nies urew li jobdu."

More in Politika