'Il-pandemija fakkritna li l-benesseri tagħna ma jiddependix biss mill-ġid ekonomiku' - Il-Knisja

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent saħqet li kellna twissija ċara dwar dak li nistgħu niffaċċjaw meta l-impatti tat-tibdil fil-klima jibdew jinħassu aktar

"Inkunu boloh jekk nerġgħu mmorru għal dak li konna mdorrijin fih qabel, bħallikieku qatt ma kien xejn – bħallikieku ma tgħallimna xejn minn din l-esperjenza."

Hekk saħqet il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) fi stqarrija li ppubblikat fid-dawl li l-pajjiż, ftit ftit, riesaq lejn in-normalità wara l-imxija tal-COVID-19.

"Il-KA temmen li jeħtieġ insaħħu d-dixxiplina fuqna nfusna li wrejna waqt l-imxija, biex ilkoll kemm aħna nkunu nifilħu nibqgħu fuq saqajna f’każ li jkollna ngħaddu minn esperjenza simili fil-ġejjieni," tisħaq l-istqarrija.

Fi kliemha, din il-kriżi waslet lil kulħadd biex jifhem "kemm aħna vulnerabbli."

"Din il-pandemija sabet lil ħafna pajjiżi mhux imħejjija għaliha, bir-riżultat li ħalliet impatti negattivi qawwija fuq l-ekonomija tagħhom, u ħolqot traġedja umana li ħasdet lid-dinja. Jalla dan iservina ta’ twissija għal dak li nistgħu niffaċċjaw meta l-impatti tat-tibdil fil-klima, ikkawżati minn żvilupp li mhux sostenibbli, jibdew jinħassu aktar. Il-Ġnus Maqgħuda appellat lill-gvernijiet sabiex juru l-istess determinazzjoni, impenn u għaqda li ntweriet fil-ġlieda kontra l-pandemija, sabiex tinstab soluzzjoni għall-problema tat-tibdil fil-klima," saħqet il-Kummissjoni Ambjent.

Fakkret li minn dan iż-żmien diffiċli, spikkaw mumenti ta’ solidarjetà, ġenerożità, attenzjoni fuq min hu batut u sagrifiċċju personali għall-ġid tal-komunità.

"Fuq kollox jidher li fhimna kemm il-benesseri tagħna ma jiddependix biss mill-ġid ekonomiku, u li dan mhux biżżejjed biex wieħed igawdi minn kwalità tajba tal-ħajja. Fl-istess ħin hija tikkundanna l-abbużi, f’perjodu hekk vulnerabbli, ta’ min għoġbu japprofitta ruħu jew ta’ min ried jibqa’ jaħseb għal rasu u jagħmel li jrid," tkompli l-istqarrija.

Il-KA faħħret il-Gvern, li fi kliemha mexa b’għaqal biex jikkontrolla l-firxa tal-pandemija u appellat biex issa jiżgura li strateġija post-COVID-19 tkun soċjalment ġusta u sostenibbli, ħalli tiżgura li ħadd ma jbati minn tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja.

"Din l-istrateġija jeħtieġ tipprovdi, l-ewwel u qabel kollox, sostenn ekonomiku direttament lill-komunità (speċjalment lill-persuni li ntlaqtu ħażin bil-kriżi), u mhux lil dawk l-industrji li bil-prattiċi mhux sostenibbli tagħhom, qed inaqqsu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Dan ifisser li kwalunkwe pakkett ġdid ta’ stimolu għal żvilupp ekonomiku għandu jkun marbut ma’ kundizzjoni li l-iżvilupp li jsir ikun wieħed sostenibbli u konsistenti mal-pjan tal-Unjoni Ewropea magħruf bħala l-European Green Deal," saħqet l-istqarrija.

Propju għalhekk li appellat biex proġetti infrastrutturali li mhumiex sostenibbi u li huma maħsuba biss biex jistimolaw b’mod immedjat l-ekonomija, għandhom jiġu mgħarbla bir-reqqa qabel ma jkun hemm deċiżjoni dwarhom.

"Il-fatt li fi ftit ġimgħat rajna titjib fil-kwalità tal-arja f’pajjiżna jiftħilna għajnejna għall-urġenza li minn ekonomija li tisfrutta b’mod xejn għaqli r-riżorsi naturali, ngħaddu għal waħda li tassew tagħti każ tal-patrimonju naturali u urban," kompliet il-KA.

Temmet tgħid li tittama li l-awtoritajiet ikomplu jinvestu f’dan il-kapital ambjentali, kulturali u uman ta’ pajjiżna, u "temmen li l-pożizzjoni tal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia, li jappoġġa “ippjanar intelliġenti li joħloq il-ġid mingħajr ma jissagrifika l-ambjent, sabiex inkunu nistgħu noħorġu b'saħħitna u b’suċċess minn din il-kriżi” huwa pass fid-direzzjoni t-tajba."

More in Politika