‘Għafsa ta’ qalb kbira meta tara persuna tmut waħedha u trid tindifen malajr’

Mhuwiex Kappillan kwalunkwe u bħalissa aktar u aktar.  Is-sit illum.com.mt jitkellem mal-Kapillan tal-Isptar Mater Dei Fr Bertrand Vella

Fr Bertrand Vella
Fr Bertrand Vella

Hija weġgħa ta’ ħafna pazjenti f’Mater Dei li ma jistgħux ikollhom il-qraba tagħhom viċin fl-aktar mumenti ta’ bżonn.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM Patri Bertrand Vella, wieħed mit-tliet Patrijiet Franġiskani Kappuċini li bħalissa qed jgħixu lejl u nhar fl-Isptar, flimkien ma’ diversi infermiera u tobba oħra.

Anke jekk ftit huma dawk il-pazjenti bil-COVID-19 li huma rikoverati f’Mater Dei, ma jfissirx li ma hemmx pazjenti oħra fl-isptar li bħalissa għaddejin minn mumenti diffiċli, mhux biss minħabba l-mard tagħhom, iżda anke għax minħabba l-prekawzjonijiet li qed jittieħdu ma jistgħux jirċievu żjarat mill-qraba u l-ħbieb tagħhom.

Il-gazzetta ILLUM tkellem ma’ Patri Bertrand li spjega kif bħalissa l-irwol tal-Patrijiet f’Mater Dei twessa’ għax mhumiex qed jissejħu biss meta pazjent ikun wasal fl-aħħar mumenti, iżda permezz tal-preżenza tagħhom qed jipprovaw jagħmlu wens lil dawn il-pazjenti li jinsabu waħedhom.

“Anke jekk illum għandna l-mowbajls u t-tablets, xejn ma jbiddel il-kuntatt uman. Dik iż-żjara u l-attenzjoni tal-qraba, jew il-fatt li xi ħadd jiġi u jġiblek it-tuffieħ mgħolli jew pakkett gallettini, huma affarijiet sbieħ,” saħaq Patri Bertrand li jiddeskrivi l-preżenza tal-Patrijiet l-isptar bħala tfakkira li anke fil-mumenti l-aktar diffiċli, Alla huma magħna.

Fil-fatt, Patri Bertrand saħaq kif qed jirċievu ħafna telefonati mingħand qraba ta’ pazjenti li jitolbuhom iżuru lill-qraba tagħhom biex almenu jpattu xi ftit jew wisq għal dan in-nuqqas.

“Jiġu ġranet li jkollna mhux biss sejħat għad-Dilka tal-Morda, imma anke talbiet biex inżuru pazjenti li jinsabu waħedhom. Anke jekk bejnietna naħdmu b’xiftijiet ta’ 12-il siegħa, il-ġurnata f’Mater Dei saret qasira ħafna. Nispiċċaw eżawriti iżda kuntenti wkoll meta tara l-apprezzament tal-pazjenti.”

‘Ġieli rajt infermiera li jieħdu nifs qawwi qabel iċemplu’

Anke jekk l-isptar qed ikun sensittiv ma’ dawk il-pazjenti li jkunu waslu fl-aħħar ħin ta’ ħajjithom u qed iħallu ftit qraba jidħlu ħdejhom biex jagħtu l-aħħar tislima lil xulxin, irrakkonta realtajiet diffiċli ta’ pazjenti oħra li qed imutu waħedhom.

Faħħar ħafna l-prekawzjonijiet li qed jittieħdu f’Mater Dei, tant li kull pazjent li jidħol fl-isptar, anke jekk jidħol fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, qed jitqies bħala persuna suspettata li għandha l-COVID-19 u allura jkun irid isirilhom it-test. Għalhekk, spjega Patri Bertrand, ikun hemm każijiet ta’ pazjenti li jidħlu fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom, ir-riżultat tagħhom ikun għadu ma ħariġx u għalhekk jispiċċaw imutu waħedhom, għax ġaladarba jkun hemm suspett jew riskju, il-qraba ma jkunux jistgħu jmorru.

“Hija għafsa ta’ qalb kbira li tara persuna tmut waħedha. Meta r-riżultat ikun għadu ma ħariġx u għalhekk ikun għad hemm is-suspett, il-persuna tkun trid tindifen mill-aktar fis,” saħaq Patri Bertrand waqt li spjega li ovvvjament, l-istess jgħodd għall-vittmi tal-COVID-19. Semma każ partikolari ta’ wieħed mill-vittmi li miet bil-COVID-19, fejn il-persuna mietet fis-7am ta’ filgħodu u fil-11:30am kien midfun.
“Hija impressjonanti u għafsa ta’ qalb għall-qraba. Ġieli kont hemm u inzertajt it-telefonata mill-istaff biex jinfurmaw lill-qraba u jgħidulhom li ma jistgħux jiġu. Diffiċli mmens anke għall-istaff. Ġieli kont ħdejhom u narahom jieħdu nifs qawwi qabel iċemplu. Jiena litteralment nieqaf u nagħlaq għajnejja għax dejjem nimmaġina kieku kien missieri, ommi jew oħti. Nipprova nidħol fiż-żarbun ta’ dak li jkun,” kompla jirrakkonta b’għafsa ta’ qalb. “Għall-qraba iebsa ħafna. Ma jkunx hemm closure.”

L-ILLUM tkellmet ma’ Patri Bertrand dwar il-fatt li apparti l-għejja fiżika, hemm ukoll dik psikoloġika. Ngħiduha kif inhi, kemm hu u anke sħabu Patri Elmar Pace u Patri Mario Borg rari jissejħu għal raġunijiet ta’ ferħ, ħlief għal xi twelid ta’ tarbija jew meta jaraw pazjent ifieq u ħiereġ mill-isptar. Ħafna drabi jissejħu f’mumenti kritiċi u ta’ disperazzjoni.

‘Għajjiena anke psikoloġikament ... ilna xahar u nofs ngħixu l-isptar’

“Jiġu ġranet fejn inħossni għajjien ħafna. Hija għejja li nħossha ġejja mid-dieqa. Mhux dejjem tkun għejja fiżika. Ħafna drabi tkun għejja psikoloġika. Is-serħan insibu f’dawk il-ftit minuti fil-bidu tal-ġurnata u fi tmiemha quddiem Ġesu Sagramentat. Inpoġġu quddiem il-Mulej il-persuni kollha li nkunu ltqajna magħhom, inkluż l-istaff li wkoll għaddew u għadhom għaddejin minn żminijiet iebsa, ‘il bogħod mill-familja,” kompla jispjega. “Qabel konnha mmorru dik il-ġurnata l-kunvent, tieħu ftit żvog. Aħna mhux tal-ħadid. Ilna xahar u nofs ngħixu l-isptar. Nipprovaw inkunu hemm għal xulxin. Niftħu qalbna ma’ xulxin.”

Iżda mhux kollox dlam. Patri Bertrand saħaq li hemm affarijiet oħra li jgħollulu l-moral, fosthom ir-rispett tal-istaff u anke t-talb, il-messaġġi u xi telefonata tal-ħbieb u l-qraba tal-pazjenti. “Il-President ukoll qed joffri l-ikel lill-istaff u għamel pressjoni biex anke aħna l-Patrijiet nirċievu.”
Patri Bertrand faħħar ukoll ħafna l-miżuri li ttieħdu fl-isptar. Fi kliemu, l-isptar inbidel, kważi kważi ma tarfux għax fi kliemu tħejja għall-agħar li jista’ jiġri. “Għall-bidu anke dan qanqal fina ċertu biża’. Meta smajt li se jiżdiedu 500 sodda, bżajt,” saħaq il-Patri.

Anke jekk għall-Patrijiet ukoll dan huwa żmien iebes, Patri Bertrand qal mal-ILLUM li kuljum, it-talba tiegħu hija waħda: “Mulej żommna fuq saqajna. Biegħdna minn kull periklu fir-ruħ u fil-ġisem, ħalli nkun nistgħu nkomplu bis-sostenn spiritwali u emozzjonali għall-pazjenti.”
Kompla jirrakkonta kif min dan kollu ħareġ aspett pożittiv ukoll. Fi kliemu il-fatt li l-Patrijiet qed jgħixu hemm, kabbar aktar il-viċinanza tagħhom mal-istaff. “Hawn kollha ninsabu f’baħar wieħed. Il-pastorali tagħna ma jieqafx mal-pazjenti. Kemm-il darba nkun waħdi fil-kappella u jiġi membru tal-istaff, ipoġġi ħdejja biex jitkellem ftit,” irrakkonta.

Temm b’messaġġ wieħed: “Dan il-virus ġiegħlna nifhmu li aħna ma għandnix il-kontroll ta’ kollox. Hemm xi ħadd, li aħna nsejħulu Alla, li jkollna nduru lejh u ngħidulu: Mulej ħu ħsiebna ... minkejja li aħna midinbin ukoll, il-preżenza tagħna hawn toffri raġġ ta’ tama li Alla huwa magħna

More in Politika