Tipproponi reviżjoni fuq it-taxxa tad-dħul għan-negozji u t-tneħħija tas-SISA fuq ċertu prodotti

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji qed tipproponi wkoll skema li tindirizza l-problema tal-kera li ħafna negozji qed jiffaċċjaw

Il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji ppreżentat sensiela ta’ proposti bil-għan li r-rota tal-ekonomija Maltija tibda ddur malajr kemm jista’ jkun. Fi kliem il-Kamra, l-ekonomija mhux se tissaħħaħ waħedha, anke jekk jinfetħu n-negozji u għakhekk hemm bżonn inċentivi, strateġiji u kampanji b’saħħithom.

Fost oħrajn, il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji qed tippropni li jkunu riveduti r-rati tat-taxxi għan-negozju biex kwalunkwe dħul li ma jaqbiżx il-€100,000 fi profitti ikun intaxxat b’mhux aktar minn 20%. Qed tipproponi wkoll li titneħħa s-SISA minn fuq prodotti bħalma huma shampoos, il-fwejjaħ u prodotti tas-sbuħija u anke prodotti oħra bħalma huma t-tires.

Dan kollu jwassal biex jonqsu l-prezzijiet tal-prodotti.

Qed tipproponi wkoll introduzzjoni ta’ skema li tindirizza l-problema tal-kera li ħafna negozji qed jiffaċċjaw. Il-Kamra qed tipproponi li dan il-piż ikun qed jinqasam bejn is-sid, il-Gvern u l-inkwilin sakemm in-negozju jaqbad sew ir-ritmu.

  Aqra wkoll: ‘Hemm negozji magħluqa li qed iħallsu eluf f’kera fix-xahar’

Tipproponi wkoll skema ta’ sussidju għal dawk il-persuni li jkunu tilfu x-xogħol tagħhom minħabba l-pandemija u jerġgħu jibdew jaħdmu biex il-Gvern jississudja €500 mill-paga għall-ewwel sena.

Apparti minn dan, il-Kamra qed tipproponi li tibda kampanja li tinċentiva u tippromwovi l-prodotti lokali u x-xiri lokali biex tintnaqqas id-dipendenza minn fuq il-prodotti importanti sabiex aktar klijenti jagħżlu l-ewwel il-prodotti lokali.

Tipproponi wkoll li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-banek u anke r-rati ta’ interess għan-negozji u l-konsumaturi.

Qed tappella lill-Gvern biex jimplimenta strateġija għas-settur turistiku kemm fuq bażi medja u anke strateġija li tħares fit-tul. Il-Kamra, fil-fatt taqbel “mal-kurituri tat-turiżmu” bejn pajjiżi fejn il-pandemija tinsab taħt kontroll.

Tappella wkoll għal inċentivi speċjali għal Għawdex biex jiġġenera aktar it-turiżmu lokali u l-investiment

More in Politika