'Jifdalli €20 f'idejja wara li nħallas il-kirja tal-ħanut u ta' fejn ngħix'

Bi ħwienet prattikament vojta, inqas flus fl-idejn u ftit aptit għal xiri  - l-kirjiet kummerċjali, bħall-ingassa, qed jgħafsu fuq in-negozji.  Tliet sidien ta' negozji jilmentaw dwar il-fatt illi l-kera qed toħnoqhom...

Ritratt:  James Bianchi
Ritratt: James Bianchi

"Jiena grat għall-flus li bagħat il-Gvern, allaħares ma kinux huma.  Imma s-sitwazzjoni tiegħi hija li l-kirjiet qed jixorbuli kollox.  Inħallas €400 fix-xahar għall-ħanut u €800 kirja tal-post fejn ngħix.  Issa dawn il-kirjiet niżlu għal €200 għall-ħanut u €500 għal fejn ngħix. Dan ifisser li minn dak li qed jagħtini l-Gvern - jiġifieri €720 għax jaqta' l-bolla - jifdalli €20.  L-unika sors ta' flus huwa xi ħaġa li ġemmajt.  Sitwazzjoni iebsa ħafna."

Hekk sostna sid ta' ħanut tax-xagħar li sa issa għadu ma jistax jiftaħ il-ħanut - f'risflessjoni ta' kemm il-kirjiet kummerċjali qed ikunu problema kbira bħalissa, tant li f'ċertu każi qed jitfgħu pressjoni kbira fuq sidien ta' negozji, kemm dawk li għadhom magħluqin imma anke dawk li fetħu.

'Għandi €7,000 kirja li minn din il-ġimgħa rrid nibda nħallasha u l-ħanut vojt'

"Kuntrarjament għal diversi nies oħrajn aħna wasalna għal ftehim li sakemm idum magħluq il-ħanut ma nħallsux il-kera.  Il-kumplessi tal-ħwienet il-kbar, kollha waslu għal ftehim simili li naħseb illi kien jagħmel sens, ladarba konna magħluqin.  Ladarba issa ftaħna iżda s-sidien se jiġu għall-kirjiet, anke jekk il-ħwienet vojta.   Taf kemm għandi kirja jiena?  €7,000 għal żewġ ħwienet biss f'lokalità, imbagħad għandna lokalitajiet oħrajn.  Il-Gvern ma jistax ma jintervjenix inkella n-negozju se jikkrolla."

Hekk sostna sid ta' ħanut tal-ħwejjeġ popolari f'pajjiżna li għandu ħwienet f'diversi lokalitajiet; Birkirkara u Raħal Ġdid, fost oħrajn.
Julian Micallef sostna illi x-xogħol matul din il-ġimgħa kien batut ħafna, "fl-ewwel ġurnata forsi daħlu fil-ħanut tmienja minn nies.  Nitkellmu bejnietna aħna tal-ħwienet, kollha fl-istess ilma, hawn min lanqas €20 kuljum mhu qed ibiegħ.  Żgur għandna 80% u iktar, inqas klijenti."
Micallef isostni illi minkejja dan, minħabba li fetħu, ħafna sidien bdew ġejjin għall-kera.

'M'aħniex eliġibbli għall-għajnuna, ma nafux għalhiex u s-s-sidien tal-kera qed jagħfsu'

Ma' Micallef tingħaqad ukoll sid ta' aġenzija tal-proprjetà li rrabjata tispjega kif filwaqt għal xi raġuni mhux magħrufa ħafna aġenziji mhumiex qed ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-Gvern għall-pagi, is-sidien tal-kirjiet iridu jitħallsu.

"Aħna bil-liġi kellna ngħalqu, għandi tliet uffiċċini, kollha bil-kirjiet dawn" tgħid din is-sid li xtaqet tibqa' anonima.  "Jiena wasalt fejn wasalt b'ħidma u sagrfiċċju, jiena mhux qed nittallab," qalet filwaqt li fakkret illi għandha mal-€2,000 f'kirjiet filwaqt li x-xogħol tal-proprjetà jinsab kompletament wieqaf - u ilu hekk dawn ix-xagħrejn.  "Ma kellna xejn, xogħol ta' kuntratti maqbudin għax in-nutara weqfin u fl-istess ħin sid il-kera qed jagħmilli l-pressjoni," tispjega is-sid.

"Min fejn se noħroġhom il-flus biex inħallas il-kera?"

Hija ttemm tispjega kif għandha żewġ ħaddiema lanqas biss tħallsu sold fl-aħħar xaharejn, apparti l-aġenti kollha li bħalissa m'għandhomx x'ibiegħu.

Imma ma setgħux baqgħu magħluqin?

Micallef li fil-fatt  ġej minn familja illi għandha dan in-negozju qal illi s-sidien tal-kera daqs kemm aċċettaw li jwaqqfu il-kirjiet daqstant ieħor, issa qed jippretendu li l-kirjiet jitħallsu ladarba n-negozji qed jiftħu.

"Jiġifieri ma nistax nibqa' magħluq.  Li mhuwiex sew huwa li l-piż waqa' kollu fuqna - mela sid il-kera qed jieħu l-kera, il-ħaddiem qed jieħu it-€800 avolja jiena ma rċevejtx ċenteżmu u jiena?  Kif se mmexxi in-negozju?"

Huwa temm jgħid li ma saritx konsultazzjoni magħhom biex ikun hemm xi arranġament imqar fil-kirjiet kummerċjali.  "Jiena l-kirja dejjem ħallastha, imma bħalissa għandna naslu għal xi forma ta' ftehim.  Li nħallsu parti minnha."

Is-sid tal-ħanut tax-xagħar qal iżda li filwaqt li hu qiegħed f'sitwazzjoni ħażina jifhem ukoll illi sid il-proprjetà  - li huwa anzjan - għandu dħul mill-kera tal-ħanut tiegħu u ħanut ieħor f'Buġibba.  "Anke hu jrid jara kif se jkollu d-dħul," sostna mal-ILLUM.

Huwa jgħid illi għandu ġenn biex jiftaħ imma imħasseb fl-istess ħin għax filwaqt li bil-ftuħ ikun ifisser li jibdew ġejjin il-klijenti, fl-istess ħin terġa tmur għall-kirja kif kienet "u ma nafx kif se jkun ix-xogħol."

Hu jgħid illi minkejja li l-haridressers probabbilment se jkollhom domanda u allura klijenti, jemmen li xorta se jonqos ix-xogħol għax se jonqsu l-flus fl-idejn.

Dwar dan is-suġġett il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda intervistat lil Abigail Mamo mill-GRTU

 

More in Politika