Seba' każijiet ġodda ta' COVID-19; Tliet każi oħra f'Mater Dei u każ ieħor f'Karin Grech

It-tliet pazjenti f'Mater Dei huma relatati mal-grupp ta' tliet pazjenti oħra li rriżultaw pożittiv ilbieraħ

Fl-aħħar 24 siegħa saru 778 test għall-COVID-19 u minn dawn, seba' persuni rriżultaw pożittiv, fosthom tifla ta' sentejn, tliet persuni oħra f'Mater Dei u ħaddiem tas-saħħa f'Karin Grech.

Intant, fieqet ukoll persuna oħra biex it-total tal-pazjenti mfejqa huwa ta' 434. L-għadd tal-każi attivi f'Malta huwa ta' 64.

"Hija normali li għalissa l-għadd tal-pazjenti mfejqa jibda ftit ftit jonqos," saħqet Gauci. "L-importanti li nżommu s-sitwazzjoni stabbli."

Il-każi l-ġodda

  • Grupp ta' żewġ persuni. Omm ta' 41 sena u tifla ta' sentejn. L-omm bdiet bis-sintomi fit-2 ta' Mejju u t-tifla fit-8 ta' Mejju. Qed isir test lill-kumplament tal-familja
  • Grupp ta' tliet persuni oħra f'Mater Dei li huma relatati ma' tliet persuni oħra, żewġ ħaddiema tas-saħħa u pazjent li rriżultaw pożittiv ilbieraħ. It-tliet pazjenti l-ġodda jaħdmu fl-istess ward biex hekk dan huwa grupp ta' sitt pazjenti. Fil-fatt, ilbieraħ bdew isiru t-testijiet fuq il-ħaddiema u l-pazjenti l-oħra fis-sala. Il-pazjenti l-ġodda huma Maltija ta' 47 sena, żagħżugħ ta' 24 sena u tfajla ta' 26 sena. Dawn ma kellhom l-ebda sintomi.
  • Ħaddiem tas-Saħħa ta' 41 sena li jaħdem f'Karin Grech, l-istess sptar fejn il-ġimgħa li għaddiet miet pazjent u fl-aħħar jiem irriżultaw żewġ każi ġodda, ħaddiema u pazjent ieħor li kellhom il-COVID-19. Dan il-ħaddiem tas-saħħa ma kellu l-ebda sintomi iżda nqabad mit-testijiet li qed isiru lill-ħaddiema fl-isptarijiet.
  • Maltija ta' 30 sena. Ma kellha l-ebda sintomi u marret tagħmel it-test għax ir-raġel kellu s-sintomi. Fil-fatt, ir-raġel ħareġ negattiv, iżda hi rriżultat pożittiva għall-COVID-19. 

"Kif qed taraw in-numri jvarjaw. L-Importanti li nżommu s-sitwazzjoni stabbli biex inkunu nistgħu, ftit ftit, innaqqsu l-miżuri," saħqet Gauci. "Ma tistax tkun ħajja kif kienet qabel. Irridu nkompli nobdu l-istruzzjonijiet, fosthom l-ilbies tal-maskri. Importanti biex nibqgħu miexja 'l quddiem."

Persuna rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Intant, l-għadd tal-pazjenti fl-isptarijiet għadu baxx. F'Mater Dei hemm żewġ pazjenti, inkluż wieħed li jinsab fl-ITU.

Tliet pazjenti oħra jinsabu fl-Isptar Boffa, filwaqt li tliet pazjenti oħra jinsabu fl-isptar St. Thomas.

More in Politika