'Malta mhijiex f'pożizzjoni li toffri post sigur lill-immigranti' - Il-PM lill-Kummissarju Mijatović

Il-Kummissarju Ewropew għad-Drittijiet Umani, Dunja Mijatović, wissiet lil Malta biex immigranti ma jintbagħtux lura l-Libja

Il-Kummissarju Ewropew għad-Drittijiet Umani, Dunja Mijatović appellat lill-Gvern Malti biex “jonora l-obbligazzjonjiet tiegħu,” meta jkun infurmat b’dgħajsa tal-immigranti li tinsab fil-periklu jew li għandha bżonn l-għajnuna u biex jinvestiga kwalunkwe dewmien jew inkella nuqqas ta’ azzjoni dwar dan.

F’ittra, indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela, Dunja Mijatović saħqet li l-iżbark tal-immigranti f’port sigur huwa wkoll parti integrali mill-obbligazzjonijiet tal-istati membri dwar it-tiftix u s-salvataġġ.

Insistiet li l-iżbark tal-immigranti fil-Libja mhijiex is-soluzzjoni u ma jistax jitqies port sigur meta wieħed jikkunsidra l-kunflitt u anke l-ksur serju tad-drittijiet umani. 

“Nappella lill-Gvern tiegħek biex jiżgura li l-ebda azzjoni ma tittieħed minn Malta u li twassal biex immigranti salvati jitwasslu lura l-Libja. Dan jinkludi li ħadd ma jkun irritornat il-Libja mill-awtoritajiet Maltin, li ma jinħarġux struzzjonijiet lill-vetturi privati biex iwasslu immigranti lura lejn il-Libja jew li r-responsabbilità tintefa’ f’idejn il-gwardji tal-kosta Libjani,” tkompli l-ittra. “Inħeġġeġ ukoll lill-Gvern tiegħek biex jerfa’ r-responsabbilità sħiħa għal sitwazzjonijiet fejn l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Maltin waslu, b’mod dirett jew indirett, biex persuni jintbagħtu lura l-Libja.”

Filwaqt li saħqet li tifhem li din is-sitwazzjoni ħolqot diffikultà f’Malta, aktar u aktar fi żmien l-pandemija tal-COVID-19, dan ma jnaqqas xejn mill-obbligazzjonijiet ta’ Malta li ssalva l-ħajjiet u tassigura l-iżbark sigur għal dawn il-persuni.

Fl-aħħar nett assigurat lill-Gvern li se tkompli ssejjaħ għal aktar solidarjetà mill-istati membri għal dawk il-pajjiżi, bħal Malta, milquta l-aktar mill-isfida tal-immigrazzjoni.

L-ittra tal-Kummissarju Ewropew
L-ittra tal-Kummissarju Ewropew
L-ittra tal-Kummissarju Ewropew
L-ittra tal-Kummissarju Ewropew

Il-Prim Ministru Malti jwieġeb ... ‘Malta mhijiex f’pożizzjoni li tilqa’ immigranti’

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Malti assigura lill-Kummissarju Ewropew li Malta kienet u għadha kommessa li ssalva l-ħajjiet 

Fakkarha li Malta, l-iżgħar stat membru fl-Unjoni Ewropea, kellha tiffaċċja pressjoni bla preċedent. Fakkar li s-sena li għaddiet, waslu Malta 3,400 immigrant. Sas-6 ta’ Mejju ta’ din is-sena, diġà waslu 1,201 immigrant.

“Dawn in-numri jpoġġu pressjoni fuq Malta anke f’ċirkostanzi normali aħseb u ara issa meta l-pajjiż qed jipprova jikkontrolla l-imxija tal-COVID-19,” insista Abela waqt li fakkarha li bħalissa l-immigranti kollha fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far jinsabu taħt kwarantina minħabba għadd ta’ persuni pożittivi għall-virus.

“Fiċ-ċirkostanzi preżenti, fejn Malta ddikjarat stat ta’ emerġenza pubblika u għalqet il-portijiet u l-ajruporti tagħha għall-passiġġiera, għandha d-dmir u l-obbligu li tipproteġi s-saħħa ta’ dawk kollha li jgħixu Malta, inkluż l-immigranti li waslu Malta bid-dgħajjes fl-aħħar snin,” insista l-Prim Ministru. 

AQRA WKOLL: ‘Inutli toqgħod tibki u teqred fuq Facebook ... minn Jannar ‘l hawn rebus fl-immigrazzjoni’ – Neville Gafà

Filwaqt li insista li Malta qed tibqa’ tikkoordina t-tiftix u s-salvataġġ fiż-żona marittima li taqa’ taħtha, saħaq li bħalissa, il-pajjiż, mhuwiex f’pożizzjoni li joffri port sigur lil dawn l-immigranti.

Fakkar lill-Kummissarju li din il-pożizzjoni kienet rikonoxxuta wkoll mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, meta fis-17 ta’ April ma laqgħetx it-talba tal-NGO Repubblika biex Malta tiftaħ il-portijiet tagħha.

L-ittra tal-Prim Ministru Robert Abela
L-ittra tal-Prim Ministru Robert Abela
L-ittra tal-Prim Ministru Robert Abela
L-ittra tal-Prim Ministru Robert Abela

Fl-ittra tiegħu, il-Prim Ministru Abela qal lill-Kummissarju li qed jistenna pjan konkret u effettiv u li jassigura li l-piż tal-immigrazzjoni jinqasam bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

More in Politika