Mingħalihom waslu biex ikollhom id-dar tagħhom u l-banek jirtirawlhom is-sanction letters fl-aħħar ħin

Diversi koppji żgħażagħ li naqsilhom id-dħul jew saħanistra spiċċaw bla xogħol kawża tal-imxija tal-COVID-19 qed isibu ruħhom daharhom mal-ħajt meta l-banek qed jirrevedu s-sanctions letters u f’diversi każi jirtirawha. Il-gazzetta ILLUM titkellem man-nutara

Diversi individwi, partikolarment koppji żgħażagħ li kienu waslu biex jiffirmaw il-kuntratt biex ikollhom il-proprjetà li dejjem xtaqu u li ħadmu għaliha qed jispiċċaw daharhom mal-ħajt hekk kif minħabba li f’dawn iż-żminijiet tal-imxija tal-COVID-19 spiċċaw b’inqas dħul, jew saħanistra mingħajr xogħol garantit, il-banek qed jirrifjurtaw li jselfuhom, anke jekk tkun laħqet ħarġitilhom is-sanction letter u saħansitra jkollhom appuntament biex jiffirmaw il-kuntratt.

Minħabba li f’dawn iż-żminijiet kienu ħafna dawk il-persuni li raw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom mibdula u dan fisser inqas dħul għalihom, il-banek qed jerġgħu jivverifikaw jekk persuna tkunx tiflaħ tħallas il-pagament ta’ kull xahar u f’diversi każi, għax id-dħul ikun naqas drastikament, il-banek mhux qed jieħdu riskju u mhux talli mhux qed ikun iffirmat il-kuntratt, talli saħansitra qed taqa’ l-istess sanction letter.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ żewġ nutara differenti li t-tnejn li huma kkonfermaw li din hija realtà li qed jiffaċċjaw diversi persuni, partikolarment koppji żgħażagħ li kienu waslu biex jiffirmaw il-kuntratt. 

“Mhux talli ma jsirx il-kuntratt, talli kelli każijiet fejn saħanistra waqgħu s-sanction letters,” saħaq wieħed min-nutara li insista mal-ILLUM li f’35 sena esperjenza qatt ma ffaċċja sitwazzjonijiet bħal dawn.

“Ngħiduha kif inhi? Min għandu moħħu mistrieħ bħalissa? Mill-kbir saż-żgħir ġew affettwati. Il-banek tifimhom, mhux se jieħdu riskju,” kompla jisħaq dan in-nutar. “Ħafna nies tilfu x-xogħol jew inkella qed jaħdmu inqas ħinijiet, b’inqas dħul. Il-bank irid ikun ċert li persuna tiflaħ tħallas il-pagament.”

Wieħed min-nutara spjegalna każ tipiku li qed jiltaqa’ miegħu hu u diversi kollegi fil-professjoni. Anke dan in-nutar ikkonferma każijiet ta’ persuni li kellhom is-sanction letter maħruġa u x-xogħol min-naħa tiegħu kien konkluż, bid-dokumenti kollha mgħoddija lill-bank, ivverifikati minn Avukat u għalhekk jonqos biss l-appuntament għall-kuntratt.

“Tfajla, sa ftit taż-żmien ilu kienet taqla’ €1,700. Spiċċat tieħu biss it-€800 tal-Gvern li minnhom trid taqta’ l-bolla. Min iħaddimha qalilha li xogħolha mhux garantit, kellha tgħid lill-bank u l-bank weġibha li ma tikkwalifikax li tħallas pagament ta’ €900 fix-xahar meta qed iddaħħal inqas minn €800 fix-xahar,” spjega n-Nutar, anke jekk din it-tfajla wkoll kellha s-sanction letter maħruġa u kienet qed tistenna biss li tingħata appuntament biex tiffirma l-kuntratt.

Żagħżugħ ieħor kellu jiffirma l-kuntratt għada, iżda din il-ġimgħa kien infurmat li l-kuntratt mhux se jsir għax il-paga naqsitlu b’50% u l-bank ma jridx jieħu riskju u jsellfu. 

Fil-fatt, waħda mill-klawsoli tas-sanction letter tkun tgħid ċar u tond li l-bank ħareġ dan id-dokument skont l-informazzjoni mogħtija lilu iżda jekk tinqala’ sitwazzjoni jew ċirkostanza fejn il-bank jidhirlu li l-firmatarji ma jkunux jistgħu jobbligaw dak li qed jintrabtu bih, il-bank iżomm id-dritt li jirrevedi, jirtira jew jikkanċella l-istess sanction letter.

Hemm imbagħad koppji jew individwi li sabu ruħhom f’din is-sitwazzjoni intortament, bħal dawk li jkunu se jixtru l-proprjetà tagħhom fuq il-pjanta u minkejja li x-xogħol kellu jitlesta f’Jannar li għadda jew inkella qabel, ix-xogħol ma kienx lest fil-ħin u għalhekk inqabdu f’din is-sitwazzjoni.

“Għandi każ ta’ hairdresser. Bħalissa din mhux tiftaħ. Il-kuntrattur għadu ma lestix ix-xogħol. Stajna għamilna l-kuntratt fil-bidu ta’ Jannar. Issa l-bank qed jgħidilha li la hija hairdresser u bħalissa dħul ma għandhiex, ma tistax tagħti garanzija li tista’ tħallas il-pagament u għalhekk se jipprova jwaqqalha s-sanction letter,” kompla jispjega wieħed min-nutar waqt li insista li din mhijiex sitwazzjoni ta’ ftit nies. “Qed jaqgħali konvenju fil-ġimgħa li jkun lest minn kollox. Sa issa, tlift ukoll disa’ konvenji ġodda. Qed nitkellmu fuq valur ta’ €4 miljun fi proprjetà.”

Koppji oħra qed jispiċċaw b’uġigħ ta’ ras akbar għax anke jekk dan qatt ma għandu jsir, qabel iffirmaw il-kuntratt, malli kellhom is-sanction letter f’idhom, serħu rashom u laħqu bdew jagħmlu xi xogħlijiet, fosthom il-madum u issa, għax naqsilhom id-dħul, jew spiċċaw bla xogħol, il-bank mhux se jsellifhom. “X’se jagħmlu? Ħa jmorru jgħidu lis-sid biex jagħtihom il-flus tax-xogħol li għamlu? Mhux huma ħadu riskju?” 

“Hija problema enormi,” kompla jinsisti mal-ILLUM wieħed min-nutara, filwaqt li l-ieħor saħaq li “għadna lanqas biss bdejna nifhmu r-riskju u l-isfidi li deħlin għalihom.”

More in Politika