Delia jistaqsi għalfejn il-Gvern qed jieħu l-pariri ekonomiċi 'mingħand min biegħ lill-pajjiż'

Adrian Delia jgħid li l-PM Robert Abela la għandu l-kredibilità u lanqas l-istatura biex jikkonvinċi lill-UE dwar l-immigrazzjoni

Adrian Delia (arkivji)
Adrian Delia (arkivji)

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia staqsa kif fl-ekonomija se nerġgħu nieħdu l-pariri ta' min, skontu, biegħ lill-pajjiżna. "Robert Abela għandu jdejh marbutin u bilfors kellu jerġa jdaħħal lil Muscat fil-Gvern?' staqsa Delia.  Huwa qal illi Muscat kien "l-aktar Prim Ministru korott li qatt kellha Malta" u "l-aktar Prim Ministru korrott tad-dinja" u allega wkoll illi f'Kastilja inħema l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.

Filwaqt li qabel illi l-mossa li jieħu pariri minn Muscat huwa "żball kardinali" tal-Gvern, huwa allega wkoll li l-eks Ministru Konrad Mizzi maħrub mill-pajjiż u fakkar kif ma kienx fil-Parlament meta kien diskuss kuntratt li ffirma hu stess.

Delia qal illi l-Gvern baqa' jdaħħal lill-barranin bil-konsegwenza li Malta spiċċat popolata żżejjed, b'ħafna jitħallsu, skontu, biċ-cheap labour.  Għalhekk qal li l-Gvern Laburista mhuwiex kredibbli meta jgħid li ma jridx idaħħal barranin.  "X'inhuma s-soluzzjonijiet tal-Gvern? Jekk Abela se jirritalja kontra l-UE irridu naraw imbagħad l-effetti tar-ritaljazzjoni.  Jiena nemmen fil-poltika tal-persważjoni ... l-MEP Roberta Metsola ppreparat dokument dwar il-mod kif għandna nimxu 'l quddiem f'din il-kwistjoni," qal Delia - li indika l-importanza tal-ħniena maż-żgħir u l-ġlieda kontra l-kriminali. Hu sostna li ma jaħsibx li l-politika taħdem bir-ritaljazzjoni imma billi nipperswadu lill-UE tkun solidali.  Minkejja dan, skontu, Robert Abela m'għandux il-kredibilità u l-istatura biex jikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni. 

Delia saħaq illi l-istrutturi kkritikati u kontroversjali hemm għadhom, fosthom il-kuntratt li kien sar mal-VGH.  "Iva ħadd mill-Gvern ma jidhirlu li għandna nbiddlu xi ħaġa?  Ħadd ma jaħseb li għandna nbiddlu l-proċess tat-tendering? " staqsa Delia. 

Dwar il-Partit Nazzjonalista Delia qal li l-oppożizzjoni qed taħdem biex turi kemm kapaċi toffri viżjoni alternattiva wara l-pandemija tal-Covid-19.  "Is-sensazzjoni tiegħi hija li qed nifhmu l-karba għall-bidla.  Ifisser li l-pajjiż huwa għatxan għal-Gvern modern u Gvern nadif."

 

More in Politika