'Hemm min kien kważi fil-vizzju u l-pandemija tagħtu majnata u hemm min għelbu l-vizzju'

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-imġieba tagħna bħalissa, il-vizzji waqt pandemija bħal din, il-prezz soċjali li qed inħallsu, il-komunikazzjoni, il-bnadar li qed indendlu u l-abbuż. Twieġeb is-soċjologa u lettur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta, Maria Brown

Is-Soċjologa Maria Brown
Is-Soċjologa Maria Brown

Id-diskussjoni kontinwa dwar il-pandemija issa ħadet xejra differenti jew inkella mhux qed tibqa' biss iffukata fuq in-numri u dak kollu direttament relatat mal-virus  - kemm fiequ u kemm hemm każi ġodda u l-vaċċin.  Daħlu issa l-kunsiderazzjonijiet soċjali u psikoloġiċi  - kif qed inġibu ruħna, kif qed nadattaw, dak li se tfisser riċessjoni wara snin ta' tkabbir, l-invidwaliżmu, l-abbuż fiżiku imma anke l-abbuż minn sustanzi u s-saħħa mentali.

Din il-gazzetta għamlet sett ta' mistoqsijiet lis-soċjologa u lettur Maria Brown biex nibdew nifhmu aħjar is-soċjeta ta' bħalissa, is-soċjetà tal-Covid-19.

Kemm hu kbir il-prezz soċjali tal-pandemija Covid-19? Din se tħalli marka permanenti fuq is-soċjetà u l-imġiba ta' bosta? Taħt it-theddida tal-virus ħareġ l-istint tas-sopravivenza.  Kemm taħseb li dan wassal għal ħafna inidividwaliżmu?

Il-prezz huwa sostanzjali u differenzjat. Fuq livell ‘micro’ għandek familji li jridu jġebbdu fil-ħin u jerġgħu jorganizzaw ruħhom hekk kif naqas l-aċċess fiżiku għal skejjel, ‘childcare centres’, ‘day care centres’ u ċentri oħra, bħal dawk li jwieżnu fil-kura ta’ persuni b’diżabilità.

It-‘telework’ għandu vantaġġi ta’ kontinwità professjonali u ekonomika iżda huwa theddida għall-bilanċ bejn impieg u ħajja. Min hu mġarrab bi vjolenza domestika, nuqqas ta’ saħħa mentali jew fiżika qiegħed f’riskju akbar ta’ solitudni u ta’ nuqqas ta’ bżonnijiet għal għixien dinjituż. In-negozjanti għandhom sfidi ekonomiċi ta’ tiġdid u reżiljenza, kif ukoll sfidi industrijali fejn hemm impjegati.

Biss il-prezz soċjali ‘par excellence’ qiegħed fuq livell ‘macro’. Huwa hawnhekk fejn ħa nġarrbu effetti iktar permanenti. B’riżorsi nieqsa jew mhedda jiżdied iċ-ċans li nfittxu l-interessi personali akkost ta’ dawk soċjali. Aħna bnedmin u bħal kull speċi oħra nissiltu għas-sopravvivenza; iżda l-bniedem huwa annimal soċjali u dan jimplika t-taqbida bejn l-interessi personali u dawk soċjali.

Pandemija hija waħda minn dawk il-fenomeni li jitfgħuna f’salib it-toroq; mument deċisiv fl-iżvilupp fejn l-umanità bħala speċi se taqbad triq iktar jew anqas soċjali. Deċiżjonjiet bħal dawn ftit li xejn isiru b’mod demokratiku! Bħal ħafna mumenti oħra li ddeterminaw kif kompliet l-istorja tal-bniedem - eżempju kanoni reliġjużi deċiżi waqt il-Konċilju ta’ Nicaea msejjaħ mill-Imperatur Kostantinu, jew deċiżjonijiet ġeopolitiċi li jikkonċernaw bosta ġnus meħuda mill-Istati Uniti u l-eks Unjoni Sovjetika fit-tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija - mhux kullħadd għandu sehem ugwali li jiddetermina jekk, b’riżultat tal-pandemija, insirux aktar jew anqas soċjali.

Simboli bħal bandiera u ritwali kollettivi huma frott il-fatt li l-bniedem huwa annimal soċjali u għalhekk hemm bżonn li jħossu parti minn grupp Maria Brown

Rajna ħafna nies idendlu jew itellgħu l-bnadar ta' Malta.  Kif tanalizza dan is-sens ta' patrijottiżmu u kif twaħħdu ma' dan iż-żmien?

Simboli bħal bandiera u ritwali kollettivi huma frott il-fatt li l-bniedem huwa annimal soċjali u għalhekk hemm bżonn li jħossu parti minn grupp, speċjalment fi żmien ta’ kriżi fejn il-grupp huwa arma kontra l-għadu.

F’dan il-każ, l-għadu huwa l-virus. Peress li biex niġġieldu l-virus ikollna nrażżnu attivitatijiet soċjali, ritwali li xorta fihom dinamika ta’ grupp jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ kuntatt soċjali li jinvolvi preżenza fiżika. Eżempji oħra jinkludu posts fuq midja soċjali b’element ta’ katina li qed naraw bħalissa, forsi iktar minn żmien ieħor, bħal li ttella’ ritratt partikolari u tinnomina li ħaddieħor jagħmilha; jew li toħroġ fil-gallarija f’jum u ħin speċifikat ċċapċap għall-ħaddiema tas-settur tas-saħħa.

Mhux kulħadd jgħix f'belt jew raħal bħaż-Żejtun jew Ħaż Żebbuġ.  Bosta jgħixu f'lokalitajiet fejn ir-rabta bejn il-ġirien u s-sens ta' komunità bħal San Pawl il-Baħar jew is-Swieqi mhix b'saħħitha.  L-impatt tal-pandemija fuq dawn tal-aħħar huwa ikbar?

L-ewwelnett ma nemminx li tista’ tiġġeneralizza li kull zona f’lokalità partikolari ssegwi xejra ġeneralizzata. Fl-irħula jaf għandek residenzi bi problemi daqskemm għandek fl-ibliet u viċi-versa.

Apparti hekk, il-post ta’ residenza mhuwiex l-unika fattur li jaffettwa l-impatt tal-pandemija. Hemm fatturi oħra bħal numru ta’ persuni fid-dar, etajiet, relazzjonjiet bejniethom, kundizzjonijiet ta’ saħħa, sitwazzjoni finanzjarja, ta’ saħħa.... Apparti hekk il-kuntatt mal-komunità tal-lokalità fejn wieħed jgħix naqas in ġenerali.

Jekk hemm fatturi li ddeterminaw l-impatt tal-pandemija b’mod sinjifikattiv nemmen li huma:  L-ewwelnett, il-litteriżmu diġitali, speċjalment biex wieħed iżomm kuntatt, kif ukoll biex jixtarr informazzjoni valida minn dik qarrieqa; u t-tieni il-livell ta’ edukazzjoni fis-sens wiesgħa, jiġifieri kemm persuna taf tadatta jew lesta titgħallem tadatta, u li jkollha ħiliet trasferibbli (‘transferable skills’) li jixprunaw reżiljenza u tiġdid tal-kapaċitajiet. Dawn huma dinamiċi li kienu ġa jeżistu qabel faqqgħet il-pandemija; il-pandemija xegħelet bozza fuqhom li xegħlet l-implikazzjonijiet għall-politika soċjali u għall-iżvilupp personali.

Kemm taħseb li s-sitwazzjoni preżenti qed tagħmel sitwazzjonijiet ta' abbuż agħar milli huma?

L-espressjoni ‘ifred u saltan’ hija pjuttost valida f’bosta ċirkostanzi. Il-pandemija waslet għal firda u iżolament mhux antiċipati, kif diġa tkellimna. Għalhekk min jabbuża jaf isib iktar opportunità. Waqt il-pandemija s-servizzi soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom l-isfida jiġġeddu f’qasir żmien biex ikomplu jilqgħu għal dan. Ir-riċerka interdixxiplinarja li tinvolvi esperti ta’ xjenzi soċjali, tas-saħħa u tal-mediċina, kif ukoll tat-teknoloġija trid tissaħħaħ biex toħroġ b’soluzzjonijiet.


Resqin, jekk mhux diġa' qegħdin f'riċessjoni.  X'inhuma l-effetti soċjali ta' riċessjoni.  Kif se timpatta lil Malta li sa ftit żmien ilu kienet għaddejja minn tkabbir bla preċedent?

Effetti fil-prattika jistgħu jinkludu qgħad, inqas dħul finanzjarju u dawn iwasslu għal inqas flus fl-idejn b’effetti fuq kwalità ta' għixien li jaf jinkludu dieta mhux xierqa, nuqqas ta’ bżonnijiet bażiċi bħal mediċini, ħwejjeġ eċċ, kif ukoll stress u tensjoni mġarraba fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Peress li konna għaddejjin minn tkabbir ekonomiku il-Gvern seta’ jwieżen b’miżuri. Fuq bażi individwali hemm min għandu aktar fuq xhiex jistrieħ meta tqabbel eżempju mal-kriżi ekonomika tal-2008

Peress li kellna tkabbir ekonomiku, ta’ min iqis ukoll li l-aspettattivi għolew u għalhekk il-perċezzjoni u l-esperjenza ta’ riċessjoni jew diffikultajiet ekonomiċi f’dan l-mument jaf, suġġettivament, jinħassu aktar.

Għalkemm mhux kullħadd vulnerabbli bl-istess mod, din il-vulnerabbilità komuni għandha potenzjal li tispira solidarjetà Maria Brown

 L-alkoħol ra żieda fil-bejgħ u probabbilment, għalkemm ma nistgħux nkunu nafu fiċ-ċert, anke drogi u stimulanti.  Apparti li jaf ikollna soċjetà eħxen, wara li tgħaddi l-pandemija, tara soċjetà li trid tibda mill-bidu fil-ġlieda kontra l-vizzji?  U għaliex persuna iktar hija suxxettibbli issa?

Is-suxxettibilità għax drogi, alkoħol u ħafna vizzji jagħtu gratifikazzjoni immedjata, tipikament imfittxija fi żmien ta’ inċertezza jew stress mhux ippjanat. Ix-xiri onlajn jikkontribwixxi biex xiri ta’ alkoħol iktar anonimu u distakkat.  Persuni mhux responsabbli għall-minuri jaf jiżolqu aktar malajr fil-vizzju, iżda mhux bilfors għax jaf għandhom inqas stress u iktar ħin jirrilassaw b’xi passatemp jew jagħmlu attività fiżika - dejjem jekk għandhom fejn u jafu kif. Għalhekk liema tip ta’ gratifikazzjoni nagħżlu hija anki affettwata mir-reżiljenza, ħiliet, mezzi u l-istat familjari ta’ dak li jkun.

Ma nantiċipax soċjetà li trid tibda mill-bidu fil-ġlieda kontra l-vizzji. Il-ġlieda kontra l-vizzji hija kontinwa, hawn bosta sforzi validi u professjonisti ta’ ħila u dedikati.

 Waqt u wara l-pandemija l-ġlieda tkompli; jaf hemm ivvizzjati frott l-istress u tiġrib -il pandemija, allura li ma konniex qed nantiċipaw; oħrajn kienu ilhom bieb u għatba jew fir-risku tal-vizzju u l-pandemija tathom majnata. Iżda hemm ukoll uħud li l-pandemija għenithom jegħlbu l-vizzju, almenu f’dawn iż-żminijiet, kif qrajna dwar testimonjanzi ta’ nies li kienu jilgħabu l-flus. Nemmen pass ‘il quddiem ikun li naġġornaw programmi u servizzi eżistenzi fid-dawl ta’ dak li tgħallimna; speċjalment li ninvestu fit-taħriġ u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar ta’ min jaħdem fis-setturi soċjali: minn membri parlamentari sa għalliema, ‘social workers’, ‘youth workers’ u forzi dixxiplinati.

X'tip ta' soċjetà se jkollna wara din il-pandemija? Se nkunu bħal dak il-kelb il-mismut li kull ilma jaħsbu misħun?

Dak li fis-Soċjoloġija nsejħulu kapital soċjali jsarraf f’konnessjonijiet, fiduċja, interess fi kwistjonijiet soċjali bħal li tivvota, sħubija f’għaqdiet u volontarjat.

Studji u ħassieba jindikaw li l-kapital soċjali jiġġarraf f’sistemi fejn l-individwaliżmu huwa parti mill-ħajja ta’ kuljum. Hawn min qabbel il-pandemija mal-attakk terrorist tal-11 ta’ Settembru 2001. Dakinhar mhux biss it-‘Twin Towers’ iġġarrfu, iżda anki l-fiduċja fil-proxxmu li kienet tagħmel possibbli li l-Amerka tkun assoċjata mal-opportunità. Jekk xi darba kienet verità u mhux bis mit, wara l-11 ta’ Settembru 2001 żgur ma kienx vera li tista’ tkun min tkun fl-Amerka biex tingħata opportunità. Għal ħafna, Musulmani, ‘hijab’, moskeja, saru sinonimi ta’ terroriżmu.

Iżda l-COVID-19 huwa differenti għax ma jħares lejn wiċċ ħadd: minn prinċipijiet sa prim ministri, minn trabi sa anzjani, minn Wuhan sa’ New York. Kullħadd huwa vulnerabbli quddiem il-COVID-19. Għalkemm mhux kullħadd vulnerabbli bl-istess mod, din il-vulnerabbilità komuni għandha potenzjal li tispira solidarjetà għax nindentifikaw ma’ xulxin fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju komuni.

More in Politika