Delia jimpjega Chief of Staff b'paga ta' eluf ... ħaddiema fid-Dar Ċentrali rrabjati

Il-PN jimpjega lil Chief of Staff u ma jagħmilx din il-ħatra pubblika.  Ħaddiema fid-Dar Ċentrali rrabjati li filwaqt li qed jitħallas l-eluf huma jew tkeċċew jew intalbu jibqgħu d-dar jew tnaqsitilhom il-paga b'10% - oħrajn igergru li dan "waqa' minn imkien"

Il-kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia
Il-kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia

Diversi persuni li tkellmu ma' din il-gazzetta u li jaħdmu fid-Dar Ċentrali jinsabu irrabjati għall-fatt li filwaqt li l-partit jinsab fis-sitwazzjoni finanzjarja li jinsab fiha qed jaqta' l-pagi, intbagħtu n-nies id-dar mingħajr xogħol, twaqqfu mix-xogħol xi nies u talab lil xi preżentaturi biex jaċċettaw li jippreżentaw bla ħlas  - Delia impjega Chief of Staff fl-aħħar tas-sena l-oħra li qed jitħallas madwar €40,000 fis-sena.

Aktar minn hekk dan iċ-Chief of Staff  huwa kompletament ġdid fl-istrutturi tal-partit, qatt ma okkupa kariga fil-partit u l-ħatra tiegħu nżammet f'segretezza assoluta, kuntrarju għal kull ħatra oħra li dwarha tkun infurmata l-midja.

 F'reazzjoni l-PN ma ċaħad xejn minn dak li taf il-gazzetta - la l-paga u lanqas il-fatt li dan iċ-Chief of Staff Justin Anastasi - kien impjegat mingħajr sejħa jew mingħajr ma kienet infurmata l-midja.  Kelliem għall-PN qal iżda li Anastasi ġie ingaġġat fuq l-istess termini ta’ persuni li qabel okkupaw l-istess kariga ma’ Kapijiet preċedenti.  Xi ħaġa miċħuda minn dawk li tkellmu ma' din il-gazzetta li qalu illi kapijiet preċedenti Segretarji kellhom, mhux bħal Delia - Segretarji u Chief of Staff.

F'reazjoni l-PN qal li "fil-perjodu tal-Covid ma ngħata ebda preferenza fuq ħaddiema oħra tal-partit."

Iżda jidher li din l-ispjegazzjoni qajla qed tikkonvinċi lil uħud li ilhom ibatu minn konsegwenzi ferm qabel il-covid-19 minħabba d-dejn li għandu l-partit. Fil-fatt din il-gazzetta kienet żvelat kif il-PN kellu mat-€12-il miljun x'jagħti lill-Gvern biss: f'bolol, VAT u kontijiet tad-Dawl u l-Ilma.  Id-dejn tat-tliet entitajiet li tagħhom il-PN huwa s-sid itellgħu b'kollox dejn ta' mandwar €32 miljun.

"Sewwa mela aħna b'pagi miżeri ġieli ma tħallsux -qabel -  u issa qtugħ ta' 10% minħabba l-pandemija u allajbierek jiddaħħlu nies qatt ma rajnihom hanwhekk, qatt ma deheru fil-partit u jitħallsu l-pagi bħal dawn" qal wieħed mis-sorsi li tkellmu mal-ILLUM.

Sors ieħor qal illi ma jistax jifhem kif il-partit ħoloq minn issa, fl-oppożizzjoni kariga bħal ta' Keith Schembri.  "Chief of Staff, li jibqa' xi ftit jew wisq jiddeċiedi minn wara u li f'dan il-każ mhux biss kellu sehem fir-reshuffle tax-Shadow Cabinet imma anke min imur fuq programm jew le."

Deputat Nazzjonalista sostna li sema' biss dwar din il-kariga u l-paga li għandu Anastasi iżda qatt ma' ltaqa' miegħu ħlief xi darba jew tnejn.  "Jien qatt ma rajtu, lanqas kont naf li se jinħatar Chief of Staff.  Darba kont dieħel u kellimtu fuq it-temp għal żewġ sekondi, mill-bqija qatt ma rajtu b'għajnejja."

Il-PN qal li Justin Anastasi ġie impjegat fl-Uffiċċju tal-Kap tal-Partit Adrian Delia u l-impjegati tal-media ma' jaqgħux taħtu.  Iżda ma weġibx il-mistoqsijiet dwar x'inhu eżatt l-irwol tiegħu u kif intgħażel.

Ilbieraħ waqt intervista Delia ammetta illi l-midja hija l-akbar problema f'termini ta' djun u sostenibbilità.

Kien preżentatur ta' Net FM - Martin Sapiano -  li f'filmat fil-bidu pandemija fuq Facebook qal illi l-istazzjon qalulu illi ma jistgħux iħallsuh għalissa.
 

Justin Anastasi, Chief of Staff ta' Adrian Delia
Justin Anastasi, Chief of Staff ta' Adrian Delia

More in Politika