Il-Prim Ministru jħabbar il-ftuħ mill-ġdid ta' numru ta' negozji u servizzi tas-saħħa

Il-PM Robert Abela jirringrazzja lill-poplu talli obda d-direttivi

Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet f'Kastilja l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar illi b'effett minn nhar it-Tnejn numru ta' stabbilimenti kummerċjali se jkunu jistgħu jiftħu mill-ġdid.

Ir-rilaxxament tal-miżuri huma hekk: Se jerġgħu jinfetħu u jibdew xi servizzi tas-saħħa li twaqqfu, fosthom il-kliniċi kollha se jerġgħu jibdew jagħtu t-tilqim lit-tfal, se jerġa jibda l-iscreening tal-utru, imbagħad jiżdiedu l-iscreening ta' aktar tipi ta' kanċer. Se tiżdied l-attività fl-isptar Mater Dei, fosthom l-Endoskopiji, se jiżdiedu l-appuntamenti għall-ultra sounds u se jerġgħu jibdew joperaw aktar servizzi fid-dipartiment tal-kardjoloġija.

Dawk il-ħwienet li jistgħu jiftħu minn nhar it-Tnejn huma dawk tal-ħwejjeġ u ħwejjeġ sportivi, aċċessorji, ħwienet tal-lottu, VRT, ġojjellerija, ħwienet tan-nuċċalijiet, ħwienet tal-għamara, shopping malls, ħwienet tal-fjuri, tal-passatempi, taż-żraben u dawk tal-ġugarelli.  Ħwienet oħra ma jistgħux jiftħu għalissa.  Kien imħabbar ukoll li li kull ħaddiem li jaħdem f'dawn il-ħwienet u kull min jidħol fihom huwa obbligat li jilbes maskra.

Dan apparti li gruppi ta' nies flimkien issa se jitla' għal erbgħa minn nies u mhux iktar.  Gruppi ta' aktar jistgħu jaqilgħu multi imposti skont il-liġi.

Miżura oħra se tkun ir-rilassament ta' vjaġġar bejn Malta u Għawdex taħt kontrolli ta' ddistanzjar soċjali.

Intant il-PM ħabbar ukoll illi qed jara illi n-negozji jerġgħu jkunu fetħu sal-aħħar tax-xahar, dejjem jekk in-numri jibqgħu kif inhuma bħalissa. 

'Kburi li rreżistejt lockdown ...'

"Kburi li bqajt nirreżisti l-għajta għal-lockdown u mingħajr lockdown ġibna riżultat illi l-WHO qalu li aħna mudell li jridu jimxu fuqu pajjiżi oħrajn.  Lock down kien ifisser tkissir tal-ekonomija u dwejjaq.  Salvajna lin-negozji tagħna," qal il-PM

Huwa spjega kif il-pajjiż għadda minn realtà li kien ilu ma jgħaddi minnha mill-gwerra, għalkemm qal li huwa kburi bil-miżuri kollha li ttieħdu fuq livell ekonomiku mill-Gvern.  "Dejjem emmint li se jisbaħ jum ġdid u aħjar.  Għandi fiduċja sħiħa fil-poplu li kien responsabbli u obda d-direttivi u fiduċja sħiħa fl-awtoritajiet tas-saħħa."

"Illum sebaħ jum isbaħ minn ieħor, imma ma jfissirx li kollox għadda," qal Abela.

Dan tħabbar hekk kif in-numri ta' persuni bil-Covid-19 f'pajjiżna baqa' nieżel b'aktar nies ifiequ milli każi ġodda kuljum.  Dan wassal biex il-każi attivi baqgħu jonqsu jum wara ieħor għal 110 lbieraħ.  Illum, fil-fatt reġa kien hemm żewġ każijiet ġodda biss ħabbar il-Ministru tas-Saħħa u Deputat PM Chris Fearne fl-istess konferenza.

More in Politika