Eluf ta' ħaddiema se jerġgħu jieħdu ħlas ta' paga mill-Gvern għal Mejju u Ġunju

It-tneħħija ta’ restrizzjonijiet f’uħud mis-setturi ekonomiċi se tkun qed issir b’mod gradwali permezz ta’ pjan studjat u mfassal sew

Il-COVID-19 Wage Supplement se jkun estiż għax-xahrejn li ġejjin. Dawk li se jkunu qed japplikaw għal dan is-suppliment fix-xahar ta’ Mejju se jirċievu l-ħlas li jkopri x-xahar ta’ Mejju ’l quddiem, ħabbar il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri waqt konferenza mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia. Dan intqal fl-isfond li l-applikazzjonijiet għall-benefiċċju tas-suppliment tas-salarju għax-xhur ta’ Marzu u April kellhom jiġu sottomessi sal-lum, it-30 ta’ April.

Dawk li diġà applikaw għall-COVID Wage Supplement f’Marzu u April mhux se jkollhom għalfejn jerġgħu japplikaw u se jkunu qed jibqgħu jibbenefikaw mis-suppliment.

Il-Ministru Schembri qal li d-diskussjonijiet mal-Awtorità tas-Saħħa b’rabta mal-istrateġija sabiex terġa’ tiftaħ l-ekonomija issa jinsabu fi stadju avvanzat. “It-tneħħija ta’ restrizzjonijiet f’uħud mis-setturi ekonomiċi se tkun qed issir b’mod gradwali permezz ta’ pjan studjat u mfassal sew li jikkunsidra wkoll il-kuntest ekonomiku u soċjali. Il-ftuħ bil-mod se jieħu l-ħin tiegħu u għalhekk hu kruċjali li kulħadd jaħdem id f’id. Quddiem din is-sitwazzjoni dinamika li kontinwament qed tevolvi, bħala gvern irridu nagħtu serħan il-moħħ u ċertezza”.

Il-Ministru żied jgħid li b’mod gradwali d-diskussjonijiet qed iħarsu lejn strateġija li terġa’ tibda l-ekonomija u modi kif tkun stimulata. “Għalhekk hu essenzjali li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Il-miżuri ta’ appoġġ ekonomiku se jibqgħu fis-seħħ sakemm naraw li n-negozji qed jirkupraw b’mod sostanzjali. Il-gvern kommess li jibqa’ jgħin lin-negozji għalhekk irridu naħdmu id f’id filwaqt li l-gvern ikun ta’ spalla”.

Meta mqabbel mal-ġimgħa li għaddiet, l-ammont ta’ applikazzjonijiet mirċieva żdied b’700 applikazzjoni ġdida, biex issa l-ammont tela’ għal 18,986 applikazzjoni li jkopru 87,808 ħaddiem.

More in Politika