Cassola jitlob investigazzjoni fuq il-Ministru Camilleri dwar id-direct order lid-Downtown Hotel

Arnold Cassola jitlob lill-Kummissarju tal-Istandards jinvestiga jekk l-imġieba tal-Ministru Clint Camilleri kinitx etika meta ta direct order lill-privat minflok uża proprjetà tal-Gvern

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola talab lill-Kummissarju tal-Istandards biex jinvestiga id-direct order li permezz tiegħu anzjani mill-ward tal-Ġerjatrija fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex tpoġġew fil-lukanda Downown fir-Rabat, Għawdex.  Dan sabiex Steward Healthcare tkun tista' tlesti din il-ward għall-bżonnijiet ta' pazjenti bil-Covid-19. 

Cassola jfakkar kif din id-direct order tfisser li €55 kull sodda jew inkella €109.80 għal kull waħda mit-38 kamra.

Dan l-ilment Cassola għamlu fl-istess jum illi Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali saħqet li l-lukanda hija adegwata u f’konformità mal-liċenzja t’emerġenza li nħarġet.

Filwaqt li jfakkar illi l-prezz mifthiem bejn il-Gvern u l-lukanda ma jinkludix l-ikel u lanqas jiggarantixxi l-pagi tal-ħaddiema. 

F'referenza għal storja li dehret fuq The Sunday Times tal-Ħadd li għadda Cassola qal illi l-Gvern għandu art tiegħu stess, li fuqha hija mibnija Lourdes Home, li hija mogħtija b'ċens ta' €500 ewro fis-sena lis-sorijiet Dumnikani, li huma marbuta b'obbligi speċjali ta' natura soċjali.

 "Din il-proprjeta', li fl-imgħoddi kienet orfanatrofju, għandha aktar kmamar mid-Down Town (45 ensuite) u, fuq kollox, il-kmamar u l-kurituri huma aktar spazjużi minn dawk tal-luklanda. Hemm ukoll ġonna u spazji fl-apert, flimkien ma' parkeġġ taħt l-art għal 32 karozza u aċċessibbli għal persuni b'diżabbilta'," qal Cassola. 

Jgħid illi llum is-sorijiet jikru l-kmamar lit-turisti għall-prezz ta' €45 kull persuna, inkluż l-ikel.

Fid-dawl ta' dan talab lill-Kummissarju jinvestiga jekk kinitx imġiba etika u korretta dik tal-Ministru Camilleri li ma jagħmilx użu minn proprjeta' mibnija fuq art tal-Gvern.

More in Politika