‘Bħalma qed isiru kontrolli biex stabbilimenti ma jiftħux għandu jkun hemm kontrolli fuq il-prezzijiet’

Il-President tal- Forum Malti kontra l-Faqar jappella mal-gazzetta ILLUM biex f’dan iż-żmien “kulħadd jiġbed ħabel wieħed” u jkun aktar sensibbli

Il-Forum Malti kontra l-Faqar (APF) qed jappella, permezz tal-gazzetta ILLUM, biex l-awtoritajiet kkonċernati jżiedu l-kontrolli fuq ħwienet li jbiegħu prodotti essenzjali biex ikun assigurat li ma jkunx hemm minn jabbuża u f’dawn iċ-ċirkostanzi jżid il-prezzijiet, anke għax l-aktar li se jbatu se jkunu dawk il-persuni vulnerabbli u bi dħul baxx.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet maċ-Chairperson tal-APF Noel Xerri li spjega diversi sitwazzjoni u realtajiet li jolqtu u li qed jolqtu diversi persuni u li xi drabi wieħed lanqas biss jikkunsidra, anke għax forsi jkun hawn min jaħseb li f’Malta ma jeżistux.

Madanakollu, Xerri saħaq li l-NGOs kollha fi ħdan il-Forum, ta’ kuljum jiltaqgħu ma’ diversi realtajiet, inkluż persuni li ma għandhomx saqaf fuq rashom. Fi kliemu, dawk fil-faqar se jiżdiedu u mhux jonqsu fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin u għalhekk l-appell tal-Forum mhuwiex indirizzat biss lill-awtoritajiet, iżda anke lill-poplu kollu, biex kulħadd ikun aktar sensibbli.

L-ILLUM bdiet titkellmet ma’ Xerri dwar iż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, bl-appell tal-Forum ikun ċar: biex is-sidien ta’ dawn in-negozji ma jipprofettawx ruħhom.

“Dan huwa żmien li fih kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed,” insista Xerri. “Bħalma qed ikun hemm kontrolli fuq stabbilimenti biex ikun assigurat li dawn qed jobdu u mhux jiftħu, għandu jkun hemm kontrolli fuq il-prezzijiet.”

Insista li prezzijiet ogħla wieħed se jsibhom l-aktar fi ħwienet żgħar u għalhekk x’aktarx li l-persuni vulnerabbli, bħall-anzjani u anke persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaqbdu karozza u jmorru jixtru minn supermarket, se jkunu l-aktar li jbatu.

Xerri fakkar ukoll li bħalissa ħafna huma dawk li d-dħul tagħhom huwa inqas min-normal minħabba s-sitwazzjoni li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19.

Kompla jispjega li meta l-organizzazzjonijiet, anke qabel ġiet il-pandemija, kienu qed jiddibattu d-dħul minimu, jħarsu mhux biss lejn il-fatt li d-dħul minimu huwa baxx imma anke lejn iż-żieda fil-prezzijiet. Jekk hawn għadd ta’ persuni li jifilħu jħallsu, dawn se jgħollu l-prezz.

“Jekk għandek ħobża u jiena flok 10 ċentenżmu nista’ nbiegħha 15-il ċentenżmu, se nagħmel hekk għax hemm min jiflaħ jixtriha, iżda lanqas ma jfisser li kulħadd jiflaħ iħallas 15-il ċentenżmu,” insista Xerri. “Għalhekk irridu nħarsu lejn l-ispending money u f’ċirkostanzi bħal dawn, apparti edukazzjoni, għandu jkun hemm diversi kontrolli.”

‘Bżonn ta’ aktar koordinament fid-distribuzzjoni tal-ikel’

Tkellimna dwar sfidi oħra li l-AFP qed tinsisti dwarhom f’dan iż-żmien delikat waqt li appellat għall-miżuri proattivi biex dawn jiġu indirizzati.

Fost oħrajn, Xerri tkellem dwar il-koordinazzjoni fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-ikel fost dawk li ma jistgħux ikollhom platt sħun kuljum. Nhar il-Ħadd li għadda l-ILLUM spjegat li l-Fondazzjoni Alfred Mizzi qed titma’ mal-500 persuna kuljum, f’kampanja kkoordinata mal-Caritas.

Noel Xerri
Noel Xerri

“Hemm koordinazzjoni, iżda jista’ jsir aktar kkoordinament bejn dawk l-għaqdiet li qed jipprovdu l-ikel biex ikun assigurat li jintlaħqu kemm jista’ jkun persuni.”

‘Għad hemm ir-riskju li persuni jispiċċaw bla saqaf’

Tkellimna wkoll dwar ir-realtà ta’ persuni bla saqaf fuq rashom, realtà li hawn min lanqas jemmen li teżisti f’Malta, iżda d-diversi residenti u xelters ta’ emerġenza li jipprovdu kenn lil dawn il-persuni huma xhieda fihom infushom li hija realtà fostna.

“Hemm min qed jispiċċa bla xogħol. Is-sitwazzjoni hija iebsa,” insista Xerri. Fi kliemu, minkejja d-diversi miżuri tajbin u sussidji tal-Gvern u anke minkejja li diversi sidien naqsu l-prezz tal-kera, xorta waħda għad hemm ir-riskju li persuni jispiċċaw bla saqaf. 

“Għad ma għandnix proċess fejn in-nies jistgħu jidħlu b’mod sigur,” spjega Xerri. Fil-fatt, l-AFP qed jappella li jkun hemm faċilitajiet ta’ swabbing u anke iżolazzjoni biex jippreparaw persuni li jkollhom bżonn jidħlu f’dawn id-djar jew inkella fi programmi ta’ rijabilitazzjoni.

L-NGOs jiddependu mid-donazzjonijiet...

Ta’ min wieħed ifakkar ukoll li ħafna mill-organizzazzjonijiet li jaħdmu fost dawn ir-realtajiet jiddependu mid-donazzjonijiet tan-nies. Kif wieħed jista’ jimmaġina, kwalunkwe kampanja ta’ ġbir ta’ fondi bħalissa tinsab wieqfa.

“Ħafna mis-servizzi li noffru huma b’xejn, iżda jekk għandek il-ħaddiema minn fejn se tħallashom? Ma nafux kemm din is-sitwazzjoni se ddum magħna,” saħaq Xerri waqt li spjega li bħalissa l-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju qed janalizza din is-sitwazzjoni wkoll.

“Kulħadd irid jiġbed ħabel wieħed’

Xerri tenna l-appell biex f’dan iż-żmien “kulħadd jiġbed ħabel wieħed,” mhux biss il-Gvern jew l-NGOs iżda kulħadd.

Appella fost oħrajn lil dawn l-organizzazzjonijiet li għandhom binjiet li bħalissa mhux jintużaw biex jagħmluhom disponibbli, inkluż għal min ma għandux saqaf fuq rasu.

Fl-aħħarnett, l-AFP qed tippoponi wkoll li jitwaqqaf Istitut ta’ Riċerka biex jimmoniterja l-faqar f’Malta u jagħti rakkomondazzjonijet biex il-pajjiż jilqa’ għall-impatt malajr kemm jista’ jkun.

X’inhu l-Anti-Poverty Forum?

L-Anti-Povert Forum hija pjattoforma magħmulha minn minn 13-il NGO li jaħdmu fil-qasam tal-faqar u anke tal-esklużjoni soċjali. APF Malta hija affiljata mal-European Anti-Povert Network.

L-organizzazzjonijiet huma: Fondazzjoni OASI, Caritas Malta, l-Istitur Paulo Freiri Institute, il-Fondazzjoni Richmond, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti, il-Fondazzjoni RISE, DISCERN, Alleanza Kontra l-Faqar, Fondazzjoni Jeanne Antide, SOS Malta, il-Millennium Chapel, Fondazzjoni Sebħ, Dar Merħba Bik – Sorijiet tal-Bon Pastur.

More in Politika