Toħroġ sejħa pubblika għal Kummissarju tal-Pulizija ġdid skont ir-riforma li saret ftit ġimgħat ilu

Il-Ministru Byron Camilleri jgħid li dan il-proċess se jfisser aktar trasparenza

Kif imwiegħed fir-riforma mħabbra ftit ġimgħat ilu dwar il-ħatra ta' Kummissarju tal-Pulizija, illum il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku ħarġet is-sejħa għal Kummissarju tal-Pulizija ġdid.  Din hija l-ewwel darba li saret sejħa simili għal din il-kariga li normalment, qabel ir-riforma, kienet tintagħżel direttament u mingħajr il-bżonn ta' kostultazzjoni, mill-Prim Ministru. 

Din is-sejħa qed toħroġ wara li l-eks Kummussarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar irriżenja ftit biss wara li Robert Abela sar Prim Ministru.

Intant fi stqarrija l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li l-proċess se jkun aktar miftuħ u trasparenti, hekk kif se jnaqqas l-involviment tal-politiku. Dan filwaqt li jirrispetta wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

“Il-pass tar-riformi ma jistax jieqaf. Irridu nibqgħu nlestu lill-pajjiżna għall-futur. Għalhekk, inħares ‘il quddiem biex naħdem mal-persuna magħżula sabiex flimkien nagħmlu diversi riformi u tibdiliet li hemm bżonn għall-Korp tal-Pulizija,” qal il-Ministru Camilleri.

More in Politika