'Minn meta ‘l hawn il-MEA sar għandha interess li titkellem f’isem il-ħaddiema?' - il-UĦM Voice of the Workers

Il-UĦM topponi proposta tal-MEA biex jitnaqqsu l-pagi ta' dawk il-ħaddiema fis-settur pubbliku li bħalissa mhux qed imorru għax-xogħol

Fi stqarrija l-UĦM Voice of the Workers qalet li assolutament ma taqbilx mal-proposta mressqa mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) li b’xi mod isir xi tnaqqis mill-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern.

"Il-UĦM ma taċċettax tnaqqis, la fil-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern u lanqas fl-allowances meta dawn huma marbutin mad-dmirijiet li obbligati jwettqu. La darba qed jitwettqu dawn id-dmirijiet – kemm jekk wieħed qed jirrapporta fil-post tax-xogħol u  kemm jekk l-istess dmirijiet qed jitwettqu b’telework – m’għandu jkun hemm ebda differenza fil-ħlas li jingħata."

Il-unjin fakkret kif xogħol ta’ ħaddiema fis-Settur Pubbliku huwa xogħol bżonnjuż lejn pajjiżna biex jibqa’ jiffunzjona u biex iċ-ċittadin jibqa’ jiġi moqdi. "Il-UĦM tfakkar ukoll li s-Settur Pubbliku huwa s-sinsla tal-ekonomija f’pajjiżna."

Il-GWU wkoll wriet l-oppożizzjoni għall-proposta tal-MEA, li qed tipproponi li jitnaqqsu l-pagi ta' dawk il-ħaddiema kollha taċ-ċivil li bħalissa mhumiex qegħdin jaħdmu.  Dan, tgħid l-MEA, biex jirrifletti dak li qed jiġri fil-privat.

"Minn meta ‘l hawn il-MEA sar għandha interess li titkellem f’isem il-ħaddiema u mhux fuq il-membri li tirrappeżenta? X’inhu l-iskop aħħari tal-MEA wara proposta bħal din?" staqsiet il-unjin.

Il-UĦM Voice of the Workers qalet illi jidher biċ-ċar li l-proposta tal-MEA saret bl-addoċċ għax filwaqt li tinstiga li hemm xi ħaddiema li hi fissrithom bħala idle, naqset milli tagħti indikazzjoni ta’ min  huma dawn il-ħaddiema u f’liema setturi jaħdmu. 

"Il-UĦM qed tittama li meta l-MEA irreferiet għat-tnaqqis tal-pagi ta’ ħaddiema li huma idle, ma kinitx qed tirreferi għall-ħaddiema li skont l-awtoritajiet  tas-Saħħa huma meqjusa bħala nies vulnerabbli u minħabba din ir-raġuni mhux permess li joħorġu mid-dar għax-xogħol."

Il-unjin temmet tgħid lu kien ikun punt għaqli mill-MEA li tħeġġeġ lill-membri tagħha li jġorru ġest ta’ corporate social responsibility billi "jnaqqsu mill-qligħ li diġà qalgħu tul is-snin u jiggarantixxu l-paga sħiħa tal-ħaddiema tagħhom f’dan iż-żmien diffiċli."

More in Politika