Għat-tieni jum konsekuttiv Malta għandha każ wieħed ġdid ta' COVID-19; 39 oħra jfiequ

10 persuni minn dawk imfejqa huma anzjani fosthom tlieta li għandhom aktar minn 80 sena.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, ħabbret li fl-aħħar 24 siegħa Malta għamlet 641 test u minn dawn wieħed biss irriżulta fil-pożittiv.

Din kienet it-tieni ġurnata konsekuttiva li fiha Malta rreġistrat biss każ wieħed ġdid. Dan huwa raġel Libjan ta' 31 sena. Ir-raġel ma kellu l-ebda sintomi. Persuna waħda biss li tgħix miegħu tpoġġiet fi kwarantina.

Aħbar pożittiva oħra hija li fl-aħħar 24 siegħa jirriżulta li fiequ wkoll 39 persuna oħra, liema persuni issa jibqgħu fi kwarantina għall-jiem li ġejjin.

Fost dawk li fiequ hemm ħames persuni li għandhom bejn 60 u 69 sena, żewġ persuni li għandhom bejn 70 u 79 sena u tliet persuni li għandhom bejn 80 u 89 sena. 

Dan ifisser li l-każi attivi f'Malta huma ta' 241.

Sa issa f'Malta saru 26,811 test. 

Minkejja li r-rata ta' każi l-ġodda qed tkun baxxa u anke minkejja li r-rata ta' trasmissjoni qed tonqos, Charmaine Gauci appellat biex għalissa kulħadd jibqa' jsegwi r-restrizzjonijiet.

Fi kliemha, għad hemm persuni li jista' jkollhom il-virus fuqhom u għalhekk għalissa l-appell huwa biex kulħadd jibqa' d-dar, jekk joħroġ għall-bżonnijiet iżomm 'il bogħod minn persuni oħra u anke jkunu protetti l-persuni vulnerabbli.

Liema se jkunu l-ewwel miżuri li jiġu rilaxxati?

Mistoqsija liema miżuri se jkunu qed jiġu rrilaxxati, anke wara dak li qal ilbieraħ fil-Parlament il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, Charmaine Gauci saħqet li għadha għaddejja l-analiżi fuq liema miżuri jistgħu jiġu rilaxxati.

Tenniet li l-importanti huwa li anke wara li jiġu rrilaxxati dawn il-miżuri, irid jibqa' jkun hemm monitoraġġ għax fi kliemha, "ma nistgħux nirriskjaw li jkollna firxa fil-popolazzjoni tagħna."

Għalhekk saħqet li l-miżuri qed ikunu analizzati sew qabel dawn ikunu rilaxxati.

Kemm għad hemm persuni fl-isptarijiet?

Mistoqsija kemm hemm pazjenti rikoverati fl-isptarijiet, Gauci qalet li għad hemm pazjent wieħed rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, iżda l-kundizzjoni ta' dan l-anzjan tinsab f'qagħda stabbli.

F'Mater Dei hemm ħames persuni oħra, 16 fl-isptar Boffa, 7 fl-isptar St. Thomas.

More in Politika