140 talba mingħand kumpaniji li ma jifilħux iżidu €400 fuq it-€800 tal-Gvern

Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Ministru Carmelo Abela u tistaqsih il-mistoqsijiet li ħafna ħaddiema qed jagħmlu dwar il-kundizzjonijiet tagħhom fid-dawl ta’ diversi miżuri li qed jieħdu kumpaniji u negozji milquta ħażin mill-COVID-19

Minn meta daħlu fis-seħħ il-miżuri tal-Gvern biex jgħin lil dawk il-kumpaniji u n-negozji li jaħdmu fl-aktar setturi li ntlaqtu ħażin mill-imxija tal-COVID-19, id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali rċieva 140 talba mingħand kumpaniji li sa jistgħux iżidu suppliment ta’ €400 fuq it-€800 li l-Gvern qed jiggrantixxi fuq kull impjegat

Qal dan mal-gazzetta ILLUM, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela li taħtu jaqa’ d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali.

Ta’ min ifakkar li għal kull €800 li l-impjegaturi jirċievu mingħand il-Gvern biex jgħadduhom lill-impjegati tagħhom, iridu jżidu suppliment ta’ mill-inqas €400 oħra f’każ li l-paga tkun €1,200 jew aktar. Il-Gvern kien ħabbar li dawk l-impjegaturi li ma jkunux jistgħu jagħmlu dan, iridu jiktbu lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) jekk ma jkunux jifilħu jagħmlu dan.

“S’issa rċevejna ‘l fuq minn 140 talba għal eżenzjoni. Ta’ min jgħid li talba waħda tista’ tkun tkopri aktar minn kumanija waħda li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp ta’ impriżi,” spjega l-Ministru.

400 talba biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema

L-ILLUM staqsiet ukoll lill-Ministru Abela kemm kien hemm impjegaturi li kitbu lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali biex ibiddlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom.

Il-Ministru wieġeb li sa issa, daħlu 400 talba ta’ din ix-xorta, anke jekk dan ma jfissirx li kien hemm 400 kumpanija li talbu li jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħhom.

“Konvinti li, malli tgħaddi l-pandemija, se nkunu nistgħu nkomplu nsaħħu l-ekonomija tagħna għall-ġid ta’ kulħadd. Skont l-aħħar rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li ħareġ din il-ġimgħa, l-ekonomija ta’ Malta xorta waħda mistennija tikber b’7% matul is-sena d-dieħla hekk kif il-ħajja tirritorna għan-normal u r-rota terġa’ tibda ddur,” insista u fakkar il-Ministru.

Mistoqsi x’qiegħed isir biex ikun assigurat li ma jkunx hemm kumpaniji li jabbużaw u jbiddlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom, minkejja li n-negozju tagħhom ma jkunx sejjer ħażin, il-Ministru spjega li d-DIER qed jassigura li qabel tkun saret konsultazzjoni mal-ħaddiema jew inkella min jirrappreżentahom.

Dan il-permess għal tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol qed jinħareġ għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat u kull erba’ ġimgħat issir reviżjoni u d-DIER jikkomunika ma’ min iħaddem. 

Jekk impjegat iħoss li jkun hemm abbuż, jistgħu jirrappurtaw billi jiktbu fuq [email protected] jew iċemplu fuq 1575.

Intant il-gazzetta ILLUM għamlet sensiela ta’ mistoqsijiet li diversi ħaddiema għamlu magħha u talbet lill-Ministru jweġibhom u jispjega aħjar id-drittijiet tagħhom:  

Jekk ħaddiem jinbidlulu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħal ngħidu aħna l-ħinijiet u anke l-paga, dan għandu jkun imniżżel bil-miktub u ffirmat miż-żewġ partijiet?

Biex jintmessu l-kundizzjonijiet tax-xogħol mhux biżżejjed li jkun hemm ftehim bejn min iħaddem u l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom. Irid jinħareġ ukoll permess mid-DIER, għax il-liġi hija miktuba b’mod li jippermetti li d-Dipartiment – li huwa r-Regolatur f’dan il-qasam – jara li ma jkunx hemm lok għal abbuż. Meta jinħareġ permess ta’ dan it-tip, dan ma jkunx ifisser li jkun hemm xi tibdil fil-kuntratti eżistenti tax-xogħol. Dawn il-kuntratti jibqgħu jgħoddu, imma għal żmien temporanju jitnaqqsu l-kundizzjonijiet bi qbil mal-impjegati u bil-permess tar-Regolatur minħabba li s-sitwazzjoni hi dik li hi. Kemm-il darba d-DIER jara xi abbuż, jieħu l-passi kollha meħtieġa biex dak il-permess li jkun ngħata ma jibqax validu. Id-Dipartiment jista’ wkoll jiftaħ każ kontra min iħaddem.

Hemm ħaddiema li l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom tnaqqas anke għax l-operat tal-kumpanija li jaħdmu magħhom naqas f’dan iż-żmien. Hemm limitu kemm jista’ jonqos il-ħin tax-xogħol? Jista’ ħaddiem li jaħdem full-time, jispiċċa jaħdem daqslikieku part-time? 

Jiddependi, skont il-każ. Hemm kumpaniji li, ngħidu aħna, naqsitilhom ġurnata xogħol fil-ġimgħa, u hemm oħrajn li x-xogħol naqsilhom aktar minn hekk. Imbagħad, hemm oħrajn li kellhom jagħlqu l-bibien għal kollox b’ordni tal-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika jew għax tilfu x-xogħol kollu – jew kważi kollu – tagħhom, u li allura talbu lill-impjegati tagħhom joħorġu bil-leave furzat jew bil-leave bla ħlas. Ħafna minn dawn il-ħaddiema qed jibbenefikaw mis-somma ta’ €800 fix-xahar li qed jagħti l-Gvern.

Negozju għalaq fuq l-istruzzjonijiet tal-Gvern. Jista’ min iħaddem jagħżel li  jagħti minnufih ‘unpaid leave’ lill-ħaddiema tiegħu? Jista’ min iħaddem jagħżel li jnaqqas il-paga tal-ħaddiema f’dan il-perjodu? 

Min iħaddem u jkollu jagħlaq bilfors jista’, jekk irid, jagħżel li  jagħti minnufih il-leave bla ħlas lill-ħaddiema tiegħu sakemm ikun ġab permess mid-DIER. Madankollu, id-DIER qed jissuġġerixxi li l-ewwel jintuża l-leave akkumulat tal-2019 u l-2020 pro rata sabiex, għallinqas, il-ħaddiem ikollu l-paga sħiħa u drittijiet oħrajn għal ċertu perjodu. Jekk il-ħaddiema jkunu bil-leave annwali, min iħaddem ma jistax imissilhom il-paga. Jekk, iżda, il-ħaddiema jkunu bil-leave bla ħlas, f’dak il-każ ma jkollhomx paga u jieħdu s-somma ta’ €800 fix-xahar li qed jagħti l-Gvern u suppliment ta’ mill-inqas €400 mingħand min iħaddem. 

Kumpanija ġiet darha mal-ħajt u kellha twaqqaf xi ħaddiema. Jgħaddu ftit xhur u r-rota tibda terġa’ ddur. Din il-kumpanija hija obbligata li toffri xogħol lil dawk li tkun keċċiet qabel tagħmel sejħa oħra? 

Iva, sa sena minn mindu l-ħaddiema jkunu ġew issensjati, l-azjenda hija obbligata li toffri x-xogħol lil dawk il-ħaddiema. 

Il-helplines 1575 u 1576 qed ikollhom domanda? 

Iva, is-16-il uffiċjal imħarreġ li qed joperaw is-servizz ta’ assistenza tad-DIER qed jindirizzaw mijiet ta’ każijiet kuljum: bejn 500 u 800 telefonata fuq in-numri 1575 (għall-impjegati) u 1576 (għall-impjegaturi) u mijiet ta’ mistoqsijiet bil-kitba fuq [email protected].

More in Politika