'Il-ħajja qabel il-politika' - Il-Professur Albert Fenech u 250 professjonist f'ittra miftuħa lill-PM

L-ittra ntbagħtet lill-Prim Ministru fuq inizjattiva tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia

Fuq inizjattiva tal-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, 250 professjonist fil-qasam tas-saħħa u anke studenti, inkluż ‘il fuq minn 100 tabib, ingħaqdu f’ittra miftuħa lill-Prim Ministru Robert Abela fejn qed jitolbuh jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tal-Gvern u jassisti lil dawk li jinsabu bejn sema u ilma fil-periklu.

Filwaqt li tirrikonoxxi li l-pandemija tal-Covid-19 hija serja, saħqet li dan ma jfissirx li f’isem is-saħħa pubblika persuni għandhom jitħallew imutu.

“Il-ħajja qabel il-politika ... fejn jidħol is-saħħa aħna kapaċi nittestjaw u niżolaw,” kiteb il-Professur Albert Fenech fil-kumment li kkumpanja l-firma tiegħu.

Fl-ittra, il-professjonisti kollha saħqu li huma ma jistgħux jabbandunaw ir-responsabbilitajiet morali u etiċi tagħhom u jsejħu lill-Istat biex lanqas hu ma jabbanduna l-obbligu li jipproteġi l-ħajja.

Filwaqt li rrikonoxxu li l-iżbark tal-immigranti jista’ jġib miegħu r-riskju, saħqu li hemm x’jista’ jsir biex ir-riskju jonqos mingħajr ma jkunu miksura d-drittijiet umani ta’ dawn il-persuni.

“Jekk aħna nippremettu li l-Gvern iħallas għas-Saħaħ Pubblika bil-ħajja tan-nies, mela allura nkunu fallejna fl-obbligu tagħna bħala ċittadini, ħaddiema tas-saħħa u bħala nazzjon,” tisħaq l-ittra.

Min-naħa tagħha, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia saħqet: “Kollha kemm aħna qed noqogħdu attenti minħabba l-imxija tal-virus. Ma għandnix iżda nagħluqa għajnejna u ninjoraw it-tixrid tal-inġustizzja.”

More in Politika