'L-UE kienet taf li kien hemm dgħajsa f'diffikultà fl-ibħra tal-Libja u ma bagħtitx bastiment jiġborhom'

Il-Gvern Malti jgħid li l-UE kienet taf li kien hemm dgħajsa f'diffiklutà fl-ibħra Libjani iżda ma bagħtitx bastimenti tas-salvataġġ

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Fi stqrrija l-Gvern iċċara, wara allegazzjonijiet minn NGO, li ċ-Ċentru Malti ta’ Kordinazzjoni tas-Salvataġġ ikkoordina salvataġġ ta’ dgħajsa bl-immigranti li telqet mil-Libja u li wara xi jiem fl-ibħra Libjani, daħlet fiż-Żona Maltija ta’ Tiftix u Salvataġġ.

"Id-dgħajsa inkwistjoni kienet diġà ilha numru ta’ ġranet f’diffikultà fiż-Żona ta’ Salvataġġ tal-Libja, jiġifieri mhux dik Maltija. L-Unjoni Ewropea kienet taf b’dan tant li waqt li d-dgħajsa kienet wieqfa fiż-Żona ta’ Salvataġġ Libjana, għamlet titjiriet permezz tal-ajruplani tagħha, iżda ma bagħtet ebda bastiment biex jiġborhom," irrimarka l-Gvern/.

Il-Gvern spjega kif iċ-Ċentru Malti mexa mill-ewwel mal-proċeduri stabbiliti ta’ koordinazzjoni meta d-dgħajsa ġiet irrappurtata li tinsab fl-SAR/SRR Malti, u bagħat l-informazzjoni meħtieġa permezz ta’ dak li huwa magħruf bħala NAVTEX.

"Il-Forzi Armati ta’ Malta għamlu wkoll numru ta’ titjiriet biex jillokalizzaw fejn kienet tinsab din id-dgħajsa, malli din kienet irrappurtata li tinsab fl-SRR Malti. Waqt titjira minnhom, id-dgħajsa ġiet lokalizzata u l-Forzi Armati Maltin sejħu xi bastimenti li kien hemm fil-viċin sabiex jassistu."

Il-Gvern kompla jispjega kif l-immigranti ġew assistiti permezz ta’ bastiment kummerċjali, li ntbagħat fil-post fejn kienet tinsab id-dgħajsa biex jassisti bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera Libjana mbagħad għabba lill-immigranti abbord.

Jingħad ukoll li f’dak il-waqt, il-Forzi Armati ta’ Malta kienu qed jikkoordinaw waħidhom erba’ każijiet oħra simili, fl-istess ħin.

"Waqt li Malta għadha twettaq ħidma ta’ kordinament f’diversi każijiet ta’ dgħajjes bl-immigranti, il-Gvern Malti jibqa’ jtenni l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tniedi missjoni umanitarja fil-Libja biex in-nies ma jibqgħux jirriskjaw ħajjithom billi jaħarbu minn dan il-pajjiż.  Il-Gvern Malti jtenni l-impenn tiegħu kontra t-traffikar tal-immigranti u kontra dawk li qegħdin ikomplu jiffaċilitaw l-ivvjaġġar irregolari," temmet tgħid l-istqarrija, 

 

More in Politika